Sport

Il-Malta Pool Association se terġa’ torganizza l-kampjonati Ewropej f’Malta

Il-Malta Pool Association ġiet fdata mill-European Eight Ball Pool Federation biex torganizza għall-għaxar darba l-kampjonati Ewropej f’Malta. Dawn il-kampjonati ser isiru fid-DoubleTree by Hilton f’San Pawl il-Baħar.

    Il-kampjonati ser jinkludu għaxar kategoriji li huma tal-Irgiel A, Irgiel B, Irgiel C, Irgiel D, Nisa, Żgħażagħ taħt it-tminntax-il sena, Żgħażagħ taħt it-23 sena, żewġ kategoriji A u B għall-players ta’ aktar minn 50 sena kif ukoll kategorija għall-players ta’ aktar minn 60 sena. 

    Barra l-kampjonati tat-timijjiet fl-istess perjodu, ser jintlagħbu l-kampjonati individwali Ewropej għall-kategoriji tal-Irġiel, Nisa, Żgħażagħ taħt it-18-il sena, Żgħażagħ taħt it-23 sena kif ukoll għall-kategorija ta’ players ta’ aktar minn 50 sena u dawk ta’ 60 sena.

    F’ dawn il-kampjonati ser jieħdu sehem mhux anqas minn 10 pajjiżi fosthom. L-aqwa players mondjali, li jinkludu n-numru wieħed tar-rankings professjonali, Tom Cousins, kif ukoll bosta players professjonali oħra ser ikunu f’ pajjiżna.  F’dawn il-kampjonati ser jieħdu sehem numru rekord ta’ partiċipanti li jilħaq mhux anqas minn 98 tim kif ukoll aktar minn 700 player f’kategoriji differenti.

    Il-ftuħ tal-kampjonati ser isir għada s-Sibt 8 ta’ Frar fis-1pm u jibqa sejjer sal-Ġimgħa. Il-prezentazzjoni tal-unuri ser ssir il-Ġimgħa 14 ta’ Frar filgħaxija.

    Malta ser tkun rappreżentata minn 11-il tim: Irġiel A, Irġiel B, Irġiel C, Irġiel D, żewġ timijiet A u B fil-kategoriji taż-żgħażagħ taħt it-18-il sena, tim fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena, żewġ timijiet A u B fil-kategorija tat-timijiet ta’ players akbar minn 50 sena kif ukoll żewġ timijiet fil-kategorija ta’ players akbar minn 60 sena.lleri               

    Malta rebħet il-kampjonati Ewropej fil-kategorija tal-Irgiel tliet darbiet fl-2002,fl- 2008 u fl-2013 filwaqt li rebħet il-kampjonati taż-żgħażagħ ta’ taht it-18-il sena fl-1999 u fl-2023.  It-tim taż-żgħażagħ ta’ taħt it-23 sena rebaħ il-kampjonati tal-kategorija erba’ darbiet fis-sena 2015, 2016, 2018 u 2022. 

    Aktar unuri miksuba mill-Assoċjazzjoni huma r-rebħ tal-kampjonati mondajli tal-kategorija taż-żgħażagħ ta’ taħt il-21 sena fil-2011, kampjonati mondjali tal-kategorija tal-Over 50s fl-2018 u kampjonati mondjali tal-kategorija taż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena f’dawn l-aħħar sentejn.  

    Id-dħul ghal kampjonati ser ikun b’ xejn. 

    Il-kampjonati ser ikollhom fond ta’ premjijiet ta’ mhux anqas minn €30,100. Id-diretur tal-kampjonati Ewropej ser ikun Vincent Degiorgio li huwa s-segretarju tal-Malta Pool Association kif ukoll teżorier tal-European Eight Ball Pool Federation u World Eight Ball Pool Federation għal dawn l-aħħar 24 sena.