Lokali

“Il-PN għandu fiduċja kbira fil-poplu Malti u Għawdxi” – Bernard Grech

“Bħal Eddie Fenech Adami, aħna nħarsu lejn il-Maltin għax kapaċi. U għandna fiduċja kbira fil-poplu Malti u Għawdxi.”

Din hi id-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu waqt il-programm speċjali f’għeluq il-91 sena tal-President Emeritu Eddie Fenech Adami. Fejn ħarġu wkoll is-similaritajiet li esperjenza pajjiżna qabel l-elezzjoni kruċjali tal-1987, mas-sitwazzjoni attwali ta’ pajjiżna.

Kien fid-dawl ta’ dan kollu li Bernard Grech spjega illi l-poplu Malti dejjem baqa’ reżiljenti. U l-poplu Malti jrid il-bidla.

Bernard Grech fakkar ukoll li d-deċiżjoni li Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, kienet waħda mill-aqwa deċiżjonijiet li ħa Eddie Fenech Adami. Deċiżjoni li għadha sal-lum il-ġurnata tiswa’ ta’ ġid lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega illi l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ikompli jkun fuq quddiem sabiex jaħdem għall-ġustizzja, għall-bidla, u għal ekonomija li toffri frott għal kull faxxa tas-soċjetà.