Il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) ibbażata f’The Hague (fl-Olanda) qed tagħmilha ċara li mhix se tippermetti l-isforzi tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, biex jostakola l-ħidma ġudizzjarja tagħha …Ħidma li qed tgħid li dejjem ippruvat taqdi b’mod imparzjali u indipendenti.
Għaldaqstant,l-ICC ikkundannat bla riservi l-executive order partikulari li ħareġ Trump bl-iskop li jfixklilha l-ħidma u biex l-uffiċjali tal-Qorti Internazzjonali jkunu suġġetti għas-sanzjonijiet minn Washington.
Wara li Donald Trump iffirma d-direttiva relatata ma’ dawn is-sanzjonijiet, l-ICC stqarret ċar u tond li hi se tibqa’ tappoġġja lill-istaff u lill-uffiċjali tagħha minkejja l-akkużi infondati tal-President Amerikan.
L-executive order ta’ Trump jakkuża lill-ICC dwar ‘azzjonijiet illeġittimi u mingħajr bażi’ wara li l-Qorti ħarġet il-mandat ta’ arrest speċifiku għall-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, b’konnessjoni mar-reati tal-gwerra….Akkuża li Iżrael qed jirrifjuta għaliha ‘mija-fil-mija’.
Dan ukoll meta l-ICC kienet ħarġet mandat ieħor għall-arrest ta’ kmandant ewlieni tal-Ħamas – Mohammed Deif — li kien spiċċa maqtul is-sena l-oħra f’Gaza.
Il-Qorti Kriminali Internazzjonali għandha l-mandat– bħala tribunal globali – biex tipproċessa lill-mexxejja u individwi dwar atti ta’ ġenoċidju, reati kontra l-umanità u aġir kriminali taħt kundizzjonijiet ta’ gwerra. Madwar 120 Stat – fosthom ir-Renju Unit u pajjiżi Ewropej – huma membri ta’ din il-Qorti, iżda mhux l-Istati Uniti u Iżrael.
Intant, l-ICC, mill-ġdid, sostniet li se tibqa’ tagħmel l-aħjar tagħha biex tipprovdi l-ġustizzja u tama lill-miljuni tal-vittmi innoċenti tal-atroċitajiet madwar id-dinja.
Fl-aħħar snin, din il-Qorti ħarġet il-mandat ta’ arrest għall-President Russu, Vladimir Putin, fir-rigward ta’ allegati reati tal-gwerra fl-Ukrajna. Anki l-Kapijiet tat-Taliban, fl-Afganistan, spiċċaw suġġetti għall-mandati simili ‘għall-persekuzzjoni tat-tfajliet u nisa’, waqt li l-Kap militari ta’ Myanmar ukoll spiċċa fl-istess sitwazzjoni għal reati kontra l-Musulmani tal-komunità ta’ Rohingya.
.Intant, l-Imħallfin tal-Qorti f’The Hague qed jinsistu li hemm ‘raġunijet validi u konkreti’ li jissuġġerixxu li l-Prim Ministru Netanyahu, l-eks-Ministri Iżraeljan għad-Difiża, Yoav Gallant u Mohammed Deif kollha jġorru responsabbiltà kriminali għal allegati reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità.
Madankollu, il-White House ta’ Washington – li dejjem kien spalla qawwija għal Netanyahu — qed jakkuża lill-ICC b’’aġir tal-mistħija’ peress li l-Qorti ma distingwietx bejn Iżrael u l-grupp Ħamas li hu moviment terroristiku — tant li l-mandati għall-arrest kienu ħarġu kollha fl-istess żmien.
U l-executive order ta’ Donald Trump sostna li l-aħħar azzjonijiet mill-ICC qed joħolqu preċedent perikoluż li. fost oħrajn, jipperikola lill-Amerikani peress li huma, issa, kapaċi jisfaw esposti għall-abbużi, persekuzzjoni u stati ta’ arrest potenzjali barra pajjiżhom.
//= $special ?>