Lokali Qorti

Jammetti attentat ta’ stupru fil-Furjana

Eritrean ta’ 33 sena, se jiġi kundannat fil-ġimgħat li ġejjin wara li ammetta li pprova jistupra tfajla waqt li kienet miexja għax-xogħol fil-lokalità tal-Furjana. Beyene Fessahatsion Weldeabzghil ammetta quddiem il-Maġistart Giannella Camilleri Busuttil, wara li l-ispettur John Spiteri qal li l-pulizija rċevew rapport dwar persuna li x’aktarx kienet qed tiġi stuprata viċin Floriana Gardens.

Mal-pulizija, il-vittma qalet li waqt li kienet miexja għax-xogħol, l-akkużat qabeż fuqha, neżżagħha u prova jkollu x’jaqsam magħha sesswalment. Il-mara bdiet tgħajjat għall-għajjut u rnexxilha tirreżisti l-istupru, bil-pulizija tasal fuq il-post u tarresta lir-raġel dak iil-ħin stess.

Sakemm tingħata s-sentenza l-akkużat se jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur John Spiteri flimkien mal-Avukati Jurgen Dalli u Jennifer Polidano mill0uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-akkużat deher assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Alexia Vassallo.