Lokali Qorti

Jerġa’ jissemma’ l-Eks Ministru Chris Cardona u Avukat fil-pjan li tinqatel Daphne Caruana Galizia

L-Eks Ministru Chris Cardona u l-Avukat David Gatt huma msemmijin f’rikors kriminali li ppreżenta Jamie Vella, magħruf bħala Tal-Maksar – dwar il-pjan li tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2015, pjan li dik is-sena ma rnexxiex. It-talba minn naħa ta’ Vella hija biex jitla’ jixhed is-Supretendent Keith Arnaud dwar l-investigazzjoni ħalli jiġu ċċarati xi affarijiet.

L-Avukat Godwin Cini mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, mingħajr ma semma’ l-persuni b’isimhom, qal li l-persuni msemmija fir-rikors għadhom taħt suspett. Ftit tal-ħin wara qal li, biex jiċċara l-affarijiet, huwa ried jgħid eżatt li jekk jidhru quddiem Maġistrat, iridu jingħataw il-‘caution’.

Dan kollu rriżulta quddiem l-Imħallef Edwina Grima, meta beda jinstema’ r-rikors li għamel Jamie Vella li huwa mixli fl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Vella jinsab mixli li flimkien ma’ wieħed mill-aħwa tal-Maksar, forna l-bomba li biha nqatlet Caruana Galizia. Huwa qed jallega li fejn jidħol Vince Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu” il-Prosekuzzjoni fejn riedet emmnet il-verżjoni tiegħu u fejn riedet ma għamlet xejn, u dan wara li kienet miċħuda oriġinarjament, il-proklama.

L-Avukat Godwin Cini dwar ir-rikors qal li dan sar tard, u dan meta Jamie Vella mistenni jibda għaddej ġuri fil-futur qarib. Fir-rikors tiegħu, li se jkompli jinstema’ nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Frar, Jamie Vella qal li ilu kważi erba’ snin taħt arrest, akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Vella qal li matul il-kumpilazzjoni u issa li għalaq iż-żmien tal-Att tal-Akkuża, l-unika prova li l-prosekuzzjoni qiegħda ssejjes il-każ tagħha huwa Vince Muscat, li wara l-proklama mogħtija lilu, ammetta l-involviment fl-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li tiegħu ngħata l-piena ta’ 15-il sena ħabs, kif ukoll fl-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop.

Vella kompla jgħid li l-prosekuzzjoni bbażat b’mod lampanti u ċar, l-akkużi tagħha fuq id-diversi verżjonijiet li ta l-istess Muscat. Ingħad li huwa xehed f’diversi stadji f’dawn il-proċeduri, jiġifieri fl-inkjesta u l-kumpilazzjoni.

Fid-diversi verżjonijiet li ta Muscat huwa għamel referenza għall-involviment dirett ta’ żewġ persuni, l-Eks Ministru Chris Cardona u l-Avukat David Gatt, apparti persuni oħra. Ir-rikors jgħid li l-istess xhud tal-prosekuzzjoni, isemmi lil dawn il-persuni għall-allegat pjan li qatt ma rnexxa tal-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fl-2015.

Skont Vince Muscat, l-istess żewġ persuni jinkwadraw kemm fil-pjan tas-sena 2015 kif ukoll dak tas-sena 2017 għalkemm aktar tal-ewwel. Vella jgħid li l-prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent Keith Arnaud, kienet għażlet li filwaqt li takkuża lill-akkużati tal-persuni msemmija u li tressqu l-Qorti, kompletament injorat il-fatti u l-verżjonijiet mogħtija minn Muscat rigward l-allegat involviment ta’ Chris Cardona u David Gatt, fiż-żewġ pjani msemmija minn Muscat.

Id-difiża qalet li f’dan l-istadju qabel ma jsir il-ġuri, hija perplessa kif il-prosekuzzjoni għażlet li temmen lil Vincent Muscat u bniet il-każ tagħha kontra tali verżjoni, madankollu naqset milli tressaq jew tiġġustifika għaliex ma ressqitx lill-Eks Ministru Cardona u lill-Avukat Gatt.

Ir-rikors jgħid li sal-lum għadu mhux stabbilit jekk dawn il-persuni qattx ġew rinfaċċati mill-verżjoni dwarhom mogħtija minn Vince Muscat, qattx ġew interrogati bħala suspettati jew qattx ġew imsejħa biex jagħtu l-verżjoni tagħhom.

Ingħad ukoll li l-verżjoni tagħhom għandha tkun tifforma parti mill-atti, hija waħda importanti u dan għal fini tal-kontroll tax-xhud waqt li jsir il-ġuri. Il-kumpilazzjoni li issa hi magħlua, ma turi xejn li Cardona u Gatt taw xi xhieda fil-Qorti, għax ma ġew ippreżentati l-ebda kopji ta’ x’qalu.

Dan kollu jfisser li qed issir inġustizzja fil-konfront ta’ Jamie Vella. Tali inċertezza u preokupazzjoni kienet ukoll preżenta fl-2021, meta Vincent Muscat kien għamel diversi tentattivi biex jingħata il-Proklama, li l-Kabinett stess kien irrifjuta kull talbiet tiegħu diversi drabi, sakemm laqa’ t-tali talba fi Frar tas-sena 2021.

L-inċertezza tal-bdil tal-verżjonijiet jirriżulta minn diversi sorsi fosthom mill-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrece Cutajar li fil-mori tal-inkjesta pubblika kien iddikjara li huwa kien kontra l-proklama ta’ Vince Muscat abbażi tal-fatt li l-verżjoni tiegħu ma kienet xejn għajr ‘hearsay evidence’.

Ingħad ukoll kif l-Prim Ministru Robert Abela fi kliemu fil-pubbliku kien iddikjara li l-parir li kien ingħata kien sabiex il-kabinett ta’ dak iż-żmien ma jikkonċedix it-talba tal-proklama mitluba minn Muscat, liema talba ġiet milqugħa xahar biss wara.

Ir-rikors qed jitlob biex jixhed is-Supretendent Keith Arnaud u jikkonferma jekk qattx ġew mitkellma Chris Cardona u David Gatt, dwar dak li qal fuqhom Muscat u jekk dan qatt ma seħħ, jispjega għaliex seħħ dan in-nuqqas. Arnaud irid ukoll jikkonferma kemm-il talba għamel Vince Muscat għall-proklama.

Jekk jirriżulta li dawn qatt ma ġew mitkellma, allura ma jkunx hemm il-ħtieġa biex jinstemgħu Cardona u Gatt sabiex jikkonfermaw dan kollu.

Għal Jamie Vella qed jidher l-Avukat Ismael Psaila.