Lestu ruħkom għal pandemonju teatrali f’Marzu li ġej, kemm fit-Teatru Salesjan kif ukoll fit-Teatru Manoel.
U dan għaliex l-MADC waslet biex tiftaħ is-siparju għal The Coarse Acting Show ta’ Michael Green – produzzjoni mill-aktar divertenti li tikkonsisti f’sett ta’ sitt kummiedji qosra brillanti, fejn kull diżastru immaġinabbli jseħħ proprju quddiem għajnejn l-udjenza.
F’din is-serata ta’ daħq bla waqfien, kulma jista’ jmur żmerċ, se jmur żmerċ. Minn settijiet jikkrollaw sa linji minsija, sa props mitlufin u sinjali mogħtija f’ħin ħażin, dan il-format ta’ dramm-ġo-dramm jippreżenta grupp ta’ atturi ddisprati li qed jippruvaw iżommu d-dinjità waqt li d-drammi li qed jaħdmu jiddeġeneraw f’kaos totali.
Din il-produzzjoni tal-MADC tlaqqa’ kast komiku eċċellenti taħt id-direzzjoni ta’ Stephen Oliver, fosthom Alan Paris, Andrea Pace, Brendon Thearle, Craig Abela, Edward Caruana Galizia, Edward Thorpe, Francesca Briffa, Franco Sciberras, Jacob Falzon, Kate De Cesare, Leah Grech, Kim Dalli, Richard Godden u Shaun Rizzo.
B’mod li jifqgħek bid-daħq, kull wieħed mis-sitt drammi qosra li jiffurmaw din il-produzzjoni jippreżenta lill-atturi fl-agħar tagħhom. Streuth hija l-misteru klassiku ta’ qtil li Agatha Christie qatt ma kienet tazzarda tikteb, filwaqt li A Collier’s Tuesday Tea tipprova twassal drama serja tan-Nord li tikkombina kċina ma’ minjiera tal-faħam, iżda tiġi żvijata għalkollox mill-aċċenti mkissra.
All’s Well That Ends As You Like It iġġiegħel ir-reċta Shakespearjana tilħaq livelli ġodda ta’ diżastru, bħalma tagħmel ukoll The Cherry Sisters, biċċa xogħol ‘mhux skoperta’ ta’ Chekhov miżgħuda b’tant sinċerità li kważi tqanqlek – jew tal-inqas hekk suppost tagħmel, li ma kienx għall-fatt li xi ħadd ikollu jmut bilwieqfa biex ipatti għal difett fil-props.
Last Call for Breakfast isservi assurdità avangardista fil-qosor, li b’xorti ħażina tkompli tiqsar meta attur jinqabad fi blackout, u Julius and Cleopatra tagħlaq is-serata b’taqbida teatrali li tibqa’ tissemma, kompluta b’tellieqa bil-karrijiet li trid taraha b’għajnejk biex temminha.
Din il-produzzjoni hija adattata għal udjenzi minn 10 snin ‘il fuq. Il-booking issa miftuħ fuq www.madc.com.mt għall-wirjiet fit-Teatru Salesjan u fuq www.teatrumanoel.mt għall-wirjiet fit-Teatru Manoel. Din il-produzzjoni amatorjali ta’ The Coarse Acting Show qed tittella’ b’arranġament ma’ Concord Theatricals Ltd f’isem Samuel French Ltd: www.concordtheatricals.co.uk
//= $special ?>