Lokali Qorti

L-eks Nutar li mar seba’ snin ħabs fuq ħasil ta’ flus kien ippubblika l-kuntratt li ta t-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals

L-eks Nutar Thomas Vella li din il-ġimgħa ġie kundannat seba’ snin ħabs fuq ħasil ta’ flus bil-Qorti tordnatlu wkoll iħallas €657,295.70 lil 85 klijent wara li ffrodhom huwa n-nutar li ppubblika l-kuntratt tal-2016 li ta t-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare. Il-Kunsill Nutarili kien neħħa lil Vella mill-warrant tiegħu fl-2019.

Isem Thomas Vella ta’ 37 sena, residenti l-Mosta kien issemma diversi drabi fis-sentenza mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale, li fiha l-konċessjoni u l-ftehimiet anċillari tagħha ġew iddikjarati nulli minħabba frodi. Sentenza li kienet ikkonfermata mill-appell bl-għeruq u x-xniexel u li saħansitra kienet marret oltrè fejn qalet li kien hemm kollużjoni bejn il-Gvern u l-kumpanija Vitals, li spiċċaw ffrodaw lill-poplu Malti b’aktar minn 400 miljun ewro.

Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li kkundannat lil Vella seba’ snin ħabs immultatu wkoll €150,000 wara li ammetta misapproprjazzjoni, ħasil ta’ flus, u ksur tal-Att dwar id-Dazju fuq Dokumenti u Trasferimenti.

Lura fl-2020, Thomas Vella kien ġie mmultat €60,500 mill-FIAU, għal nuqqasijiet ta’ konformità sistematika relatata mar-Regolamenti dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil ​​tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu li ġew innutati waqt spezzjoni fl-2018.

F’Mejju tas-sena 2022, il-Qorti Suprema Irlandiża kienet ordnat lill-assiguraturi ta’ Vella biex iħallsu €3.1 miljun f’kumpens lil raġel li spiċċa bi ħsara f’moħħu u li kellu bżonn kura medika 24 siegħa kuljuim wara li Vella kien tajjru bil-karozza f’Tas-Sliema waqt li kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb..

L-eks Nutar Vella kien ukoll ġie ordnat jirrifondi aktar minn €20,000 lil klijent Franċiż fi Frar 2021. In-nutar kien ġie fdat bil-flus biex iħallas it-taxxi b’rabta ma’ xiri ta’ proprjetà, iżda qatt ma kien ħallasha lill-Kummissarju għat-Taxxa.

Għal xi raġuni xi sentenzi tal-Qorti fil-konfront ta’ Vella ma kienux telgħu fuq il-websajt tal-qorti. L-għażla tan-nutar hija forsi biss dettal minuri fl-istorja tal-ftehim tal-isptarijiet, iżda b’dak li seħħ fid-deal tal-isptarijiet fejn kienet ikkonfermata li kienet imdaħħla fil-korruzzjoni f’kull stadju, tkompli żżid id-doża u l-intenzjoni tal-partijiet minn naħa tal-Gvern u Vitals dwar kif tmexxa dan id-deal.

Il-ftehim ta’ konċessjoni ppubblikat mill-eks nutar Vella, bejn Malta Industrial Parks Limited, aktar tard Indis, u l-Kummissarju għall-Artijiet fuq naħa u Ram Tumuluri f’isem Vitals Global Healthcare Assets Limited fuq in-naħa l-oħra, spiċċa attakkat, minn diversi Qrati li bla tlaqliq qalu li l-ftehim kien għall-benefiċċju ta’ parti waħda, li żgur ma kienx għal vantaġġ tal-poplu.

L-isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex kienu ngħataw f’idejn il-konsorzju b’mod ferm oskur. Anqas minn sentejn wara li ngħatat il-konċessjoni, Vitals kienet biegħtha lil Steward Healthcare, flimkien mad-dejn ta’ €55 miljun akkumulat mill-VGH, għal €1 biss.

Is-sentenza ddeskriviet l-azzjonijiet kemm ta ‘Vitals kif ukoll tas-suċċessur tagħha fit-titolu, Steward Healthcare, kif ukoll tal-investituri tagħhom bħala “frawdolenti u possibilment kriminali” u attakkat id-‘due dilligence’ dovuta u mwettqa mill-gvern.

Minbarra s-sentenza ta’ ħabs u multa u r-rifużjoni lill-klijenti tiegħu l-Maġistrat Farrugia ordnat ukoll il-qbid ta’ €661,795.93 favur il-gvern. Diversi klijenti tiegħu kien fetħu għadd ta’ kawżi ċivili li wħud minnhom għadhom pendenti u li qed jallegaw li tilfu l-flus li għaddew lil Vella f’taxxi u/jew depożiti fuq proprjetà.

Vella huwa wkoll iben l-eks Imħallef Patrick Vella li miet f’Mejju tal-2022 u li kien ġie kkundannat sentejn ħabs wara li ammetta li xxaħħam biex inaqqas sentenza ta’ ħabs lil traffikant tad-droga. Fil-kundanna ta’ seba’ snin ħabs l-innvestigazzjoni kienet tmexxiet mill-Ispetturi Rennie Stivala u Joseph Xerri.