Il-Partit Nazzjonalista llum ippubblika u ppreżenta d-dokument tiegħu b’analiżi u rakkomandazzjonijiet għal-Labour Migration Policy tal-Gvern fejn filwaqt li spjega l-analiżi tas-sitwazzjoni kurrenti b’ħarsa ’l quddiem, għamel enfasi fuq in-nuqqas ta’ viżjoni ekonomika mill-Gvern Laburista fid-dokument li ħejja għall-konsultazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċċji tal-aġenzija Identità fl-Imsida, ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott spjegaw li ma jistax ikollok Labour Migration Policy mingħajr viżjoni ċara dwar il-mudell ekonomiku li għandu bżonn il-pajjiż, u kwalunkwe Labour Migration Policy trid tkun imsawra fuq mudell ekonomiku ġdid għal pajjiżna.
Id-dokument imniedi mill-Partit Nazzjonalista kien sottomess bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Gvern li dam biss 32 jum. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li kwalunkwe politika ta’ immigrazzjoni li għandha l-għan li tindirizza l-isfidi tas-suq tax-xogħol f’Malta għandha tkun ibbażata fuq pjan ekonomiku li jħares fit-tul.
Għalhekk, il-proposti tal-Gvern kellhom jiġu akkumpanjati minn viżjoni ekonomika, li tindirizza liema setturi ekonomiċi ġodda se jiġu żviluppati f’Malta u kif se jissaħħu dawk eżistenti.
Minflok, il-Malta Labour Migration Policy hija sempliċement eżerċizzju politiku mill-Gvern Laburista, maħsub biex joħloq l-illużjoni li qed tittieħed azzjoni. Fir-realtà din mhi xejn għajr reazzjoni tard wisq għall-isplużjoni tal-popolazzjoni li saret mingħajr pjan jew kontroll.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li dan id-dokument kellu jiġi żviluppat fl-interess esklużiv ta’ Malta u taċ-ċittadini tagħha, u mhux bħala mezz ta’ kontroll tad-danni għall-fallimenti tal-Gvern Laburista.
Għal snin twal, il-Gvern Laburista mexxa mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwantità aktar milli l-kwalità, u dan wassal għal sitwazzjoni fejn Malta qed issibha diffiċli tlaħħaq mad-domandi ġodda f’oqsma bħall-infrastruttura, ir-riżorsi, is-servizzi, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u s-saħħa. Il-konsegwenzi negattivi ta’ din il-politika tal-Gvern issa qed jinħassu f’kull livell tas-soċjetà.
Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, apparti li sar ta’ kafkaf, wasal tard wisq.
Il-Partit Nazzjonalista ilu snin iwissi li se jkollna problema. Il-Kap tal-PN Bernard Grech ilu aktar minn erba’ snin jappella għal konferenza nazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi kontinwi li qed jinħolqu mit-tkabbir mgħaġġel tal-popolazzjoni, ikkawżat mill-influss kbir ta’ ħaddiema barranin fil-pajjiż u l-impatt li dan qed ikollu fuq l-ekonomija, is-soċjetà, u l-identità nazzjonali ta’ Malta.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem ressaq proposti ċari, bilanċjati u b’viżjoni fit-tul biex jindirizza dan il-qasam b’mod responsabbli u strutturat. Minflok soluzzjonijiet ta’ malajr u superfiċjali, il-politika tal-PN tiffoka fuq:
- Iċ-ċertezza li l-policies ta’ immigrazzjoni jkunu jmorru id f’id ma’ viżjoni ekonomika fit-tul li tibbenefika lill-ħaddiema, in-negozji, u l-komunitajiet Maltin.
- Li jiġu identifikati l-ħaddiema li jinħtieġu bi ħsieb speċifiku u settorjali, b’ħarsa lejn il-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol biex Malta tattira biss il-ħaddiema li verament għandha bżonn.
- Li l-bażi tal-politika ta’ immigrazzjoni tkun imsawra fuq studji kontinwi tas-suq tax-xogħol sabiex il-forza tax-xogħol f’Malta tibqa’ kompetittiva u sostenibbli.
Il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jkompli jiżviluppa l-politika tiegħu ta’ immigrazzjoni li tkun strutturata, ġusta u sostenibbli, waħda li ma tħallix lil Malta vulnerabbli għal deċiżjonijiet politiċi, reattivi u irresponsabbli. Il-PN se jibqa’ jiltaqa’ ma’ dawk kollha involuti f’dan is-settur, jisma’ t-tħassib tal-ħaddiema u n-negozji, u jipprovdilhom politika ta’ immigrazzjoni bbażata fuq viżjoni ekonomika soda li tipprovdi stabbiltà u sigurtà lill-pajjiż.
Malta teħtieġ bidla. Il-Partit Nazzjonalista huwa lest li jmexxi din il-bidla.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/07121449/PC-PN-Immigration-Policy-3-600x399.jpeg)
Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo
//= $special ?>