Lokali

Mijiet isellmu lil Monsinjur Victor Grech

L-emozzjoni kienet tinħass sew. Is-sens ta’ dieqa kien evidenti. Dan huwa l-bini li sawwar Dun Victor – il-bini li fih se jqatta’ l-aħħar lejl, qabel għada jsirlu l-funeral.

Mijiet ta’ persuni, inkluż residenti u eks residenti, ħaddiema u volontiera taċ-Ċentru Terapewtiku f’San Blas inġabru tul il-jum tal-Ġimgħa biex isellmu lil Monsinjur Victor Grech li matul il-ġurnata kien espost għall-qima tal-pubbliku fil-Kappella ta’ dan iċ-Ċentru.

Kien għall-ħabta tad-9.30 ta’ filgħodu xħin il-korteo telaq mill-Isptar Mater Dei u wasal f’San Blas, fejn Dun Victor Grech intrefa’ u ddaħħal mir-residenti u minn eks residenti fil-post fejn ġie espost għall-pubbliku.

Matul il-jum, għadd ta’ persuni żaru San Blas, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech flimkien ma’ martu AnneMarie, l-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione u s-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino, kif ukoll delegazzjoni tal-MŻPN u TeamStart.

Monsinjur Grech se jibqa’ mfakkar bħala s-saċerdot illi lura fl-1984 beda l-proġetti tal-Caritas biex jgħin permezz ta’ programmi ta’ prevenzjoni u rijabilitazzjoni kontra d-droga. U fl-1985 waqqaf l-ewwel Komunità Terapewtika f’pajjiżna għal dawk li jabbużaw mis-sustanzi.

Mons. Grech twieled Bormla fl-1929. Huwa ggradwa mill-Università ta’ Malta u wara li kien ordnat saċerdot, serva ta’ Viċi Rettur u Rettur fis-Seminarju. Fl-istess ħin huwa kien Direttur Nazzjonali għall-Vokazzjonijiet.

Fl-1968, Monsinjur Grech ġie nominat bħala Kappillan tal-Papa Pawlu VI, u fl-1981 inħatar f’kariga oħra importanti mal-Papa Ġwanni Pawlu II.

Fl-1990, huwa sar Kanonku tal-Kapitlu tal-Katidral.

Fl-1993, b’riżultat tax-xogħol siewi tiegħu fil-qasam soċjali u karitattiv, Monsinjur Grech ġie nnominat Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu tar-Repubblika ta’ Malta.

Fl-2012 ingħata l-Premju Ċittadin Ewropew, li għalih kien innominat mill-Ewro Parlamentari Maltin Louis Grech u Simon Busuttil. Fl-2013 sar Uffiċjal tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu  b’rikonoxximent ghall-kontribut eċċezzjonali li ta għall-ġid tal-poplu Malti, speċjalment matul il-ħafna snin li mexxa l-Caritas b’dedikazzjoni u impenn mal-batut u l-imwarrab fis-soċjetà.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo