Raġel ġie arrestat wara li allegatament hedded lis-sieħba tiegħu billi poġġelha sikkina ma’ għonqha wara li din qaltlu biex jieqaf juża l-mobajl u ma jaħlix il-kreditu. Maurice Galea ta’ 56 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Waqt l-akkuża, l-Ispettur Christian Cauchi qal li l-koppja kellhom argument fid-dar tagħhom fin-Naxxar. Ladarba l-pulizija waslu fuq il-post it-tfajla qalet li Galea kien heddidha billi poġġilha sikkina ma’ għonqha. L-argument kien instigat wara li t-tfajla ta’ Galea kienet talbitu biex ma jdumx jitkellem fuq il-mobajl peress li ma kellhiex biżżejjed kreditu.
Il-Qorti semgħet kif Galea tilef il-kontroll u qabad lill-vittma minn griżmejha u minn spallejha, imbottaha ma’ ħajt u heddidha b’sikkina. Qalilha li jekk ma toħroġx minn darhom allura kien se joqtolha. Galea ma ngħatax il-libertà proviżorja wara li l-prosekuzzjoni kkontestat din it-talba.
Il-prosekuzzjoni qajmet tħassib dwar il-fatt li Galea ma setax jippreżenta indirizz alternattiv minflok joffri li jmur f’xelter. Madankollu, il-prosekuzzjoni ma kinitx konvinta li ma kienx se jħalli x-xelter. Id-difiża argumentat li l-akkużat għandu indirizz ieħor u wkoll impjieg li jitlef jekk ma jingħatax il-libertà proviżorja. Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ippresediet il-każ.
L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukat Alexia Vassallo dehret għall-akkużat.