Dione Borg
Kandidat Nazzjonalista
fuq il-11-il Distrett Elettorali
Eddie Fenech Adami; il-bniedem li sa mill-1977 kien il-politiku ewlieni fil-pajjiż li kellu viżjoni li permezz tagħha l-pajjiż wettaq riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali kbar, storiċi u importanti.
Il-ħatra ta’ Eddie Fenech Adami mill-kunsilliera tal-PN fl-1977 bħala Kap tal-PN kienet waħda magħmula b’kunsiderazzjonijiet nazzjonali qabel dawk partiġjani. Bit-tmexxija ta’ Ġorġ Borg Olivier, il-PN kien irnexxielu jkabbar l-appoġġ fost l-elettorat f’kull elezzjoni, anki quddiem l-attakki qawwija tal-PL immexxi minn Mintoff.
It-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami rat lill-PN jikseb il-maġġoranza assoluta tal-appoġġ tal-poplu Malti fl-elezzjoni ġenerali tal-1981; kisba kruċjali li kienet sostnuta f’diversi elezzjonijiet ta’ wara.
Eddie Fenech Adami jibqa’ mfakkar għal diversi kisbiet kbar. Hekk kif Ġorġ Borg Olivier jibqa’ mfakkar bħala Missier Malta Indipendenti, Eddie Fenech Adami jibqa’ sinonimu mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, mar-ritorn tal-istabbiltà politika, demokratika u tal-espressjoni ħielsa u mar-riformi ekonomiċi li ttrasformaw l-ekonomija tal-pajjiż. Eddie Fenech Adami qala’ lil Malta mill-problemi kbar ta’ qabel l-1987 u mmodernizzaha; ta lill-poplu Malti l-futur li jistħoqqlu.
Bla dubju li waħda mill-ikbar deċiżjonijiet importanti li ħa Eddie Fenech Adami kienet li wara r-riżultat pervers tal-elezzjoni ġenerali tal-1981, il-PN wettaq politika ta’ diżubbidjenza ċivili u non-vjolenti minflok strateġija li setgħet kissret pajjiż.
Dak iż-żmien kien hemm min ma fehemx lil Eddie Fenech Adami u forsi kkritikah, iżda llum li għaddew tant snin, kulħadd jirrikonoxxi li dik id-deċiżjoni matura salvat lill-pajjiż.
Dak kien żmien li fih il-pajjiż kien jinsab fix-xifer sforz il-politika tal-Gvern Laburista ta’ minoranza. Mhux il-politiċi u mexxejja kollha huma kapaċi jifhmu dawn il-mumenti u responsabbiltajiet li l-istorja tpoġġi fuqhom. Iżda Eddie għarfu dan il-mument u miegħu għaraf ir-responsabbiltà kbira li kellu fuq spalltu.
Eddie Fenech Adami mhuwiex biss il-politiku li llum jagħlaq 91 sena; iżda hu wkoll rifless fil-politiċi li kellu madwaru. Eddie Fenech Adami hu Guido de Marco, Louis Galea, Ugo Mifsud Bonnici, Ċensu Tabone u l-politiċi li kienu madwaru. Il-politika ta’ Eddie Fenech Adami hi riflessa fit-twemmin u fl-espressjoni politika ta’ dawn il-politiċi u ta’ oħrajn li jemmnu fil-politika mibnija fuq il-valuri. Politiċi fil-PN li kellhom il-viżjoni għall-futur tal-pajjiż, li ħasbu u wettqu r-riformi li llum il-pajjiż għadu jgawdi minnhom.
Eddie hu wkoll ir-riformi li wettaq u l-viżjoni li kellu. Eddie hu politiku li bbaża l-politika tiegħu fuq il-konvinzjoni; kien ikun konvint hu u kien jirnexxilu jikkonvinċi lill-poplu. Jikkonvinċi bl-argument mhux bl-aggressjoni.
Għaliex? Proprju għaliex dak li jemmen fih Eddie hu mibni fuq is-sewwa; dak li jemmen fih Eddie hu mibni fuq il-valuri. Eddie attwa politika li fiha s-sewwa kien il-prijorità; li fiha s-sewwa kien il-punt tat-tluq. Kien hemm mumenti li l-poplu kien qed jaqta’ qalbu, mumenti fejn kienu jsiru ħafna mistoqsijiet dwar kemm kienet twila u iebsa t-triq ’il quddiem, iżda d-determinazzjoni ta’ Eddie kienet dik il-fattur li għamel id-differenza, li ta kuraġġ u tama.
Sa mill-1977, iż-żgħażagħ ġrew wara Eddie; il-ħaddiema emmnu fih, il-familji raw fih il-futur, l-imprendituri appoġġjawh, in-negozjanti tawh il-fiduċja, l-anzjani segwewh… il-poplu ra fih dak il-mexxej li se jbiddel pajjiż.
Il-poplu kellu raġun; għamel għażla tajba sa mill-1977. Minn meetings żgħar fit-toroq ta’ Birkirkara għal mass meetings grandjużi Fuq il-Fosos tal-Floriana u Ta’ Qali. Kien sinjal ċar li ħadd u xejn ma kien se jwaqqaf ir-riħ tal-bidla.
L-istennija tan-nies għall-wasla ta’ Eddie minn wara tal-folla waqt il-mass meetings kienet tkun mument uniku. Poplu jistenna lill-mexxej tiegħu biex jersaq lejh u jeħodlu b’idu… u Eddie, fuq l-ispallejn fost baħar ta’ nies, isellem bit-tislima tipika tiegħu; tislima ta’ kuraġġ. Tibqa’ stampata fl-imħuħ!
Eddie dejjem emmen fil-Maltin; dejjem emmen fil-kwalitajiet u l-ħiliet tal-poplu Malti. Għalhekk poġġa s-sħubija ta’ Malta fl-UE bħala waħda mill-prijoritajiet politiċi tiegħu. Eluf kbar emmnuh u kellhom fiduċja sħiħa; oħrajn stennew sakemm kienu konvinti. Issa li għadda ż-żmien, l-istorja tikkonferma kemm dan il-politiku kellu raġun u kemm dan ir-raġun kien ifisser ġid għall-poplu Malti kollu.
Awguri mill-qalb Eddie!
//= $special ?>