Lokali

OPINJONI: Id-dejn huwa tagħna lkoll u mhux tal-Gvern… il-proporzjon tad-dejn mal-art

L-aħħar ċifri li għandna juru li d-dejn tal-Gvern ċentrali huwa ta’ €10.3 biljuni. Huwa stmat li dan ikompli jitla’ għal €13-il biljun fi żmien tliet snin. Fl-aħħar tal-2012, id-dejn tal-Gvern ċentrali kien €4,649 miljun, li jfisser li fl-aħħar tnax-il sena iktar milli rdoppja. Issib min jgħidlek iżda l-Gvernijiet Nazzjonalisti m’għamlux dejn! Dażgur li għamlu iżda ta’ dak id-dejn għandhom x’juru. Dan il-Gvern ftit li xejn għandu x’juri. Bid-dejn li sar bejn l-1987 u l-2013, li nitkellem dwaru aktar ’l isfel, pajjiżna nbidel ta’ taħt fuq. Minn pajjiż tat-tielet dinja nbidel f’pajjiż modern li jġib l-għira ta’ kulħadd. Inkluż pajjiżi akbar minna

Joe M. Zahra

Niftakar xi snin ilu xi ħadd kiteb fit-Times of Malta, kwotazzjoni li żammejt, li meta d-dejn tal-Gvern ċentrali laħaq €5.8 biljuni, li kieku dan id-dejn għamilnih f’karti ta’ ħames ewro u dawn poġġejnihom minn tulhom waħda ħdejn l-oħra kienu jduru tliet darbiet u nofs mad-dinja, jew 138,838 kilometru.
Bl-istess riga bid-dejn jilħaq €10.3 biljun maqluba f’karti tal-ħames ewro dawn iduru mad-dinja sitt darbiet u biċċa (6.2), jew 246,552 kilometru. Min kien kiteb dan l-artiklu sejjaħ dan bħala ‘proporzjon tad-dejn mal-art’.

Id-dejn bħala investiment
Id-dejn mhux xi ħaġa ħażina diment li tagħmlu bħala investiment, anzi meta tiddejjen biex tinvesti tkun qed tkabbar il-ġid nazzjonali, iżda meta tiddejjen biex tibbilanċa n-nefqa rikorrenti tkun qed issammar aktar imsiemer fit-tebut ekonomiku.
Gvern Nazzjonalista ddejjen, iżda ta’ dak id-dejn għandu x’juri. Fejn tidħol l-infrastruttura, wara it-tkissir kollu tal-Gvern Laburista ta’ bejn l-1971 u l-1987, Gvernijiet Nazzjonalisti mmexxija minn Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi, bnew ‘power station’ ġdida f’Delimara, installaw ‘interconnector’ biex iwassal l-elettriku minn Sqallija għal Malta.
Proġett li meta ġie inawgurat, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat tenna li l-predeċessur tiegħu Lawrence Gonzi imbarka fuq proġett ambizzjuż li probabbilment sab ħafna reżistenza, anki minħabba n-nefqa sinifikanti li kien jinvolvi.
Saħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku billi kompla fuq dak li kien sar taħt Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier, fejn inbnew aktar ċentri ta’ distribuzzjoni u dawn ingħaqdu mal-‘power station’ ta’ Delimara permezz ta’ mini taħt l-art li minnhom għadda kurrent b’vultaġġ ta’ 132kv, li mbagħad jinqaleb għal 33kv u jasal għand il-konsumatur b’vultaġġ ta’ 11kv.
Dejjem fejn tidħol l-infrastruttura nbnew żewġ ‘reverse osmosis plants’ kbar fiċ-Ċirkewwa u Pembroke li permezz tagħhom il-kelma “nuqqas ta’ ilma” u razzjonar tal-ilma spiċċa, anki llum li l-popolazzjoni minn dak iż-żmien żdiedet b’160,000.
Inbniet sistema kompletament ġdida u moderna ta’ telekomunikazzjoni u żdiedu bl-eluf iċ-ċirkwiti internazzjonali.
Is-sistema tad-drenaġġ, li fil-veru sens tal-kelma kienet marret il-baħar, ġiet modernizzata permezz ta’ ‘masterplan’ li wassal biex ebda drenaġġ ma baqa’ jiżbokka fil-baħar. Inbnew ukoll tliet impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ tnejn f’Malta u wieħed f’Għawdex biex id-drenaġġ kollu jissaffa qabel imur fil-baħar.
Permezz ta’ dawn il-proġetti Malta u Għawdex spiċċaw bl-iktar bajjiet indaf fil-Mediterran. Jekk mhux ukoll fl-Ewropa!
Inbena wkoll ‘air terminal’ ġdid fil-Gudja kif ukoll il-‘freeport’ f’Birżebbuġa. Twettaq il-Proġett Nazzjonali għal kontra l-Għargħar, 17-il kilometru ta’ mini taħt l-art, kanali u infrastruttura oħra għall-ilma tax-xita.
Fis-snin ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti sar investiment qawwi fuq bini storiku. Ġew restawrati s-swar tal-Belt Valletta, il-Kottonera, l-Imdina u ċ-Ċittadella. Sar ukoll xogħol ta’ restawr fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, knejjes, kappelli, palazzi, bereġ u bini storiku.

Komunikazzjoni ma’ Għawdex
Għawdex kien dejjem f’qalb il-Gvernijiet Nazzjonalisti. Għalhekk l-investiment fil-gżira Għawdxija dejjem kien kbir. Biex l-Għawdxin jinqdew aħjar inbnew żewġ ‘ferry terminals’ fiċ-Ċirkewwa Malta u fl-Imġarr Għawdex u tliet vapuri ġodda fjamanti. Għawdex kien ukoll l-ewwel post li kellu sistema ta’ telekomunikazzjoni diġitali.
Fejn jidħlu t-toroq ta’ pajjiżna, Gvernijiet Nazzjonalisti wettqu l-akbar proġett ta’ modernizzar ta’ toroq li minn Kalafrana jieħdu saċ-Ċirkewwa u mbagħad jaqsam Għawdex min-naħa għall-oħra. Dan twettaq ukoll bħala parti mit-TEN-T network tal-Unjoni Ewropea biex jagħmel it-toroq tal-Ewropa aktar aċċessibbli.
Barra minn dan il-proġett inbniet il-‘flyover’ barra l-mina ta’ Santa Venera flimkien mal-mini li jwasslu għall-Isptar Mater Dei, inbniet il-mina bħala parti mir-Regional Road f’Tal-Qroqq kif ukoll mijiet ta’ toroq f’Malta u Għawdex kollha u l-mina li minn Triq Diċembru 13 twassal għall-‘cruise passenger terminal’.
Inbnew mill-ġdid diversi toroq arterjali fosthom il-‘bypass’ ta’ Marsaskala, Valletta Road fiż-Żurrieq, it-triq f’Xatt l-Għassara tal-Għeneb fil-Marsa, Triq il-Marfa, Triq il-Kunsill tal-Ewropa.
Inbena wkoll il-‘cruise passenger terminal’ kif ukoll il-proġett tal-Kottonera li ta ħajja ġdida lil dawn l-inħawi. Inbnew ukoll l-‘promenades’ tal-Gżira, Tas-Sliema, San Ġiljan, Marsaxlokk u Birżebbuġa.

Edukazzjoni u saħħa
Fil-qasam edukattiv kompliet titkabbar l-Universitá ta’ Malta, proġett ieħor tal-Gvern Nazzjonalista tas-sittinijiet, biex tlaħħaq maż-żieda qawwija fl-istudenti. Ingħata bidu għall-bini tal-kampus il-ġdid tal-MCAST filwaqt li kienet qed tinbena skola ġdida fis-sena attrezzata b’kollox. Inbena wkoll il-Life Sciences Park.
Is-settur tas-saħħa wkoll ħa sehmu mill-investiment qawwi li kien qed isir f’pajjiżna. Inbena b’nefqa ta’ mijiet ta’ miljuni l-Isptar Mater Dei li huwa wieħed ‘state o the art’ attrezzat bl-iktar tagħmir modern. Inbena wkoll l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo li mela vojt li kien ilu jinħass għal bosta snin.
Dawn huma l-proġetti ewlenin li twettqu grazzi għall-investiment li seta’ jsir biss mis-self li għamel il-Gvern. Self li hemm x’turi għalih. Self li flimkien mal-għotjiet minn fondi tal-Unjoni Ewropea setgħu jagħtu dehra ġdida lil pajjiżna. Dak għall-Gvernijiet Nazzjonalisti.
Iżda nistgħu ngħidu l-istess għall-Gvernijiet Laburisti ta’ dawn l-aħħar tnax il-sena. Fejn huma l-proġetti li twettqu u li fihom kienu investiti iktar minn ħames biljun ewro u iktar minn żewġ biljun ta’ fondi Ewropej? Inħalli f’idejkom biex tagħtu tweġiba.
Tiftakru meta mill-Oppożizzjoni l-Laburisti kienu jakkużaw lill-Gvern Nazzjonalista li hu ħali. Meta bdew jiddejnu bl-addoċċ, inbidlet id-diska. Bdew jakkużaw lill-Gvernijiet Nazzjonalisti li kienu xħaħ. Mur ħu għalihom dawn in-nies!