Lokali

Robert Abela jkompli jsabbat saqajh mal-istituzzjonijiet

Meta din il-ġimgħa kien mistoqsi mill-ġurnalisti għaliex ma jridx jippreżenta id-dikjarazzjonijiet tal-assi, Robert Abela baqa’ jinsisti li dan mhux se jkun qiegħed jagħmlu.

U minkejja li l-Kummissarju għall-Istandards qed jgħidlu biex ikun trasparenti u jsegwi prassi li ilha ssir tal-inqas 30 sena…Robert Abela sempliċiment qed jiġi jaqa’ u jqum milli qed jgħidulu l-istituzzjonijiet indipendenti.

Mhux talli mera għal kollox it-talba tal-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards, iżda attakka l-Uffiċċju tal-Ombudsman fejn b’rabta mar-rapport dwar il-ħabs u t-tmexxija ta’ Alex Dalli, l-ewwel saħaq li faċli toqgħod tirrapporta wara l-iskrivanija … u wara qallu x’għandu jagħmel.

Intant mistoqsi mit-Times of Malta dwar il-fatt li l-eks propogandista tal-Labour Karl Stagno Navarra mar jistenna lill-avukat Jason Azzopardi – Abela qal li ma jħossx li għandu jikkumenta.

Kummenti inkwetanti anke fid-dawl tal-fatt li l-Bord tal-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien ikkonkluda li l-Partit fil-Gvern, ċioè il-Labour, kien iffumenta sentiment ta’ mibgħeda u impunità fil-konfront ta’ din il-ġurnalista li spiċċaw għamlulha bomba taħt il-karozza quddiem il-bieb tad-dar – u qatluha.

Attakki u diskors perikoluż minn naħa ta’ Prim Ministru li mhux talli jżomm fommu sieket quddiem tali imġieba, mhux talli ma jridx ikun trasparenti u kontabbli, mhux talli jimmina r-rapporti tal-Ombudsman – talli issa, dahru mal-ħajt, qed jaqbad u jagħmel li jrid u jiġi jaqa’ u jqum mill-istituzzjonijiet imwaqqfin mill-kostituzzjoni nfisha.