Lokali Qorti

Tfajjel ta’ 14il-sena jhedded lil ommu u lil nanntu li lest li joqtolhom għal €1,000

Tfajjel ta’ 14 il-sena miż-Żurrieq ġie mixli li hedded lil ommu u lil nanntu b’sikkina fejn qalilhom li kien se jċarrathom u joqtolhom għal €1,000. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Il-Qorti semgħet kif kienet kienet l-omm stess li rrapurtat lill binha fit-Taqsima ta’ kontra l-vjolenza domestika. I

Irriżulta li ż-żgħażugħ ħareġ ma’ xi ħbieb u wara li bagħtilha messaġġ allarmanti, l-omm flimkien ma’ xi familjari oħra ddecidiet li tmur tfittxu. Huwa nstab fi ġnien f’Birkirkara u meta avvicinawh, ħareġ sikkina u hedded lil ommu u lill-nanntu li għal €1,000 lest li jċarrathom u joqtolhom.

Iż-żgħażugħ kellu jittieħed b’emerġenza l-isptar Mater Dei għaliex kellu ħsibijiet suwiċidali. Id-difiża qalet li f’dan l-istadju ma kinitx se titlob għall-pleġġ, biż-żgħażugħ jinżamm taħt arrest preventiv fil-YORS. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Sherona Buhagiar filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Alexia Vassallo.