Lokali

Arrestat wara li hedded is-sieħba tiegħu b’sikkina

Raġel ta’ 56 sena minn San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li allegatament hedded is-sieħba tiegħu b’sikkina waqt argument ta’ natura domestika fir-residenza taghhom fin-Naxxar.

Meta l-Pulizija marret fuq il-post, il-vittma allegat li sfat mhedda mill-akkużat meta għamilla sikkina ma’ għonqha.

Intqal ukoll li l-argument skatta fuq dewmien ta’ telefonata fuq il-mobile, wara li l-vittma qalet lis-sieħeb taghha li m’ghandix kreditu u talbitu ma jdumx fuq il-linja.

Għal xi raġuni li fil-Qorti ma ħarġitx, l-akkużat ma baqax kalm, qabad lil vittma minn għonqha u minn spallitha, rassa b’mejda mal-ħajt u heddidha b’sikkina li jekk ma kinitx ser titlaq il-barra mir-residenza, ser joqtolha. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u ħarget ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Alexia Vassallo.