Lokali

Dubji serji dwar il-vera intenzjoni wara l-proposta tal-Gvern fuq l-inkjesta maġisterjali – Malta Employers

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-Malta Employers qed tħeġġeġ lill-Ministru Jonathan Attard sabiex jelimina għal kollox il-proposta li jneħħi kompletament drittijiet fundamentali taċ-ċittadin u jdgħajjef il-governanza t-tajba f’dak li għandu x’jaqsam inkjesti maġisterjali.

Wara laqgħa tal-MCESD l-Malta Employers qed titlob lill-Gvern sabiex il-proposti tajbin fl-emendi fil-liġi jiġu ppreservati, madanakollu t-tibdiliet ta’ kif għandha tissejjaħ talba għal inkjesta maġisterjali għandha titħalla kif inhi.

Filwaqt li rrikonoxxiet li jeħtieġ konsensus politika fi kwalunkwe tibdila bżonnjuża għas-soċjetà, l-Malta Employers insistiet li l-fatt li l-Gvern qiegħed jillimita l-aċċess tal-individwi biex jitolbu l-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali – billi jibgħatuhom l-ewwel għand il-Pulizija hija tnaqqis qawwi fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Intqal ukoll li s-sistema diġà qiegħda taħdem u evidenza ta’ dan huma l-aħħar aħbarijiet li ġew irrapportati mill-Qorti nifsha. Dan filwaqt li insistew li maġistrat jkollu raġunijiet biżżejjed biex jipproċedi fl-inkjesta bħala prima facie, u għalhekk jaħtar l-esperti f’sistema li ilha titħaddem għal snin twal.

Il-Malta Employers insistet li l-liġi proposta tqajjem dubji serji għall-intenzjonijiet reali li hemm warajha.

Intant intqal li l-Gvern għandu jisma mill-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri, flimkien ma’ diversi għaqdiet, ġurnalisti u social partners sabiex jiżgura li tiġi mħarsa l-governanza t-tajba flimkien mal-interess tas-soċjetà Maltija.