“Il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex ineħħi l-għodda tal-Inkjesti Maġisterjali”
Hekk stqarr ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina meta l-Ġimgħa ħa sehem fi programm fuq is-Super One…flimkien mal-Ministru Jonathan Attard. Programm li iffoka fuq il-mossa tal-Gvern li jrid jirrestrinġi l-Inkjesti li jinfetħu minn ċittadini privati.
Karol Aquilina insista li l-Inkjesti Maġisterjali huma fundamentali biex toħroġ il-verità. Fil-fatt, hu fakkar li kien biss grazzi għal dawn l-Inkjesti li inkixfu fatti xokkanti dwar korruzzjoni fil-Gvern.
Il-Ministru minn naħa tiegħu baqa’ jgħid li din, skont hu, hi riforma meħtieġa. U pront, id-deputat Karol Aquilina wieġeb billi kwota dak li qed jgħid il-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri – li kisser ir-retorika kollha tal-Gvern.
B’risposta għal dan, Jonathan Attard spiċċa jattakka direttament lill-eks Prim Imħallef.
Intant, Net News jinsab infurmat li dan l-ewwel programm fuq is-Super One immexxi minn Manuel Micallef tant mar ħażin li qajjem rebus sħiħ fil-binja tal-media Laburista. Bit-tmexxija tal-istazzjon tispiċċa kritikata mill-partitarji u d-delegati Laburisti għaliex qed jgħidu li mhux sew li fuq l-istazzjon tagħhom jitwasslu messaġġi li jmorru kontra dak li qed jgħid Robert Abela.
“Manuel ħarbitlu d-diskussjoni minn idejh”, stqarrew diversi delegati li mhuma kuntenti xejn b’dak li raw ilbieraħ.
//= $special ?>