Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza,
il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal
Ivan Castillo
Shadow Minister għas-Settur Marittimu,
id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja
Dawn il-proposti huma riżultat ta’ xogħol konġunt bejnna u bejn diversi kollegi Deputati, fosthom, Graziella Galea, Albert Buttigieg, Claudette Buttigieg u Robert Cutajar.
Ma jistax jonqos li rridu nirringrazzjaw bl-aktar mod sħiħ lill-Kap tal-Partit Nazzjonaslista, Bernard Grech, li xpruna d-diskussjoni f’Awwissu li għadda.
Dawn il-proposti huma investiment fil-familja moderna. Riforma fil-leave għall-ġenituri li jaħdmu. Miżuri estiżi għall-ħaddiema kollha, jiġifieri dawk li jaħdmu fiċ-Ċivil u mal-Gvern, dawk li jaħdmu mal-privat, kif ukoll is-self employed. Pakkett ta’ riforma li l-piż finanzjarju tiegħu jġorru l-Istat.
Tajjeb ngħidu, li din mhix l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista qed joħroġ b’miżuri f’dan il-qasam. Fil-fatt, mill-bidu li ġiet negozjata d-direttiva permezz tal-Membru Parlamentari Ewropew, David Casa, (fl-2019), dwar il-miżuri ta’ Work Life Balance għall-familja moderna, mill-ewwel għarafna l-importanza u l-impatt li din id-direttiva, kif ukoll il-miżuri li għandhom u li kellhom jittieħdu mil-leġiżlatur, ser ikollhom fuq eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Diġà kien imressaq pakkett robust
Għall-elezzjoni tal-2022 il-Partit Nazzjonalista ipprepara pakkett robust ta’ miżuri ta’ Work Life Balance, fejn konna diġà rajna l-importanza ta’ dawn il-miżuri bħala kruċjali:
1. Għall-kwalità tal-ħajja tal-familja moderna, fejn kif jingħad mill-istess isem Work Life Balance… irid jinstab bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin biex tgħix ħajtek;
2. L-importanza li jservu biex tibda tiġi indirizzata l-caring gap li teżisti bejn il-mara u r-raġel, (ta’ min insemmu li anki sal-aħħar riżultat mill-Eurobarometer ta’ Diċembru 2024, kompla jikkonferma kemm il-familja Maltija għadha iddomminata minn mentalità u strutturi patrijarkali… li tkompli tipperpetwa li x-xogħol tal-familja u tad-dar jibqa’ jinġarr l-iktar mill-mara… u saħansitra ħafna jemmnu li l-familja tbati għax il-mara qed taħdem);
3. Il-caring gap li ħafna drabi twassal għall-inugwaljanza ekonomika bejn is-sessi
4. Il-gender pay gap, gender pension gap u nuqqas ta’ indipendenza ekonomika;
5. Ir-rata baxxa ta’ trabi li qegħdin jitwieldu f’Malta, li hija fost l-aktar baxxa mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Gvern Laburista xħiħ mal-familji
Meta ddaħħal l-Avviż Legali 201/2022 tal-Work Life Balance f’Lulju tal-2022 mill-Gvern Laburista, dan kien xħiħ mal-familji Maltin u illimita dawn il-miżuri għall-minimu li kienet tirrikjedi d-direttiva.
Il-Partit Nazzjonalista mill-ewwel irreaġġixxa u konna voċiferi li l-miżuri li ddaħħlu, kellhom ikunu ferm iktar ġenerużi, flessibbli u inklussivi. Ir-reazzjoni tas-soċjetà ċivili u NGOs kienet ukoll immedjata u waħda ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjoni.
U minkejja li ressaqna Mozzjoni fil-Parlament, bi proposti aktar ġenerużi li setgħu jilħqu ahjar il-bżonnijiet tal-familja moderna, ma sibniex l-appoġġ meħtieġ, għax il-Gvern Laburista ivvota kontra tagħhom!
Il-fatt li l-miżuri li hemm bħalissa mhumiex adegwati biżżejjed għall-bżonnijiet tal-familja moderna, ġie kkonfermat ukoll mill-istudju li għamlet sussegwentament l-NCPE stess u mir-riżultati li ħarġet is-sena l-oħra, fejn dawn ikkonfermaw li perċentaġġ kbir ta’ ġenituri, kemm nisa kif ukoll irġiel, għadhom isibuha diffiċli biex jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom fil-familja; kif ukoll, li l-mara għadha ġġorr bil-wisq iktar ir-responsabbiltajiet tat-trobbija tat-tfal kif ukoll il-kura tad-dar; u ħareġ ukoll li t-tnejn saħqu għall-bżonn ta’ perijodu itwal ta’ parental leave, kif ukoll għal leave speċifiku meta t-tfal ikunu morda.
Huwa f’dan l-ispirtu li aħna bqajna naħdmu u ninsistu biex nipproponu miżuri li jilħqu diversi għanijiet – dejjem bil-familja, u l-futur tal-familja Maltija, fiċ-ċentru ta’ din il-politika!
Fuq kollox, il-familji tagħna jixirqilhom l-ikbar investiment.
Għaldaqstant, qed nipproponu:
■ Il-paternity leave jiġi estiż minn għaxat ijiem għal ħmistax-il ġurnata, u jitħallas at full rate, biex il-missier ikun parteċipi fit-trobbija tal-wild mit-twelid;
■ Il-maternity leave, jiżdied minn tmintax għal 24 gimgħa, bl-aħħar sitt ġimgħat ikunu trasferribbli lill-ġenitur l-ieħor, biex nagħtu l-għażla lill-ġenituri;
■ Il-parental leave jiġi estiż minn tmien gimgħat għal 28 ġimgħa, maqsum indaqs bejn iż-żewġ ġenituri u mhux trasferibbli biex tiġi promossa r-responsabbiltà kondiviża tat-tfal, u jitħallas kollu bir-rata ta’ massimu paga medja nazzjonali.
B’dan il-mod żgur li l-parental leave se jkun wisq iktar attraenti milli hu bħalissa, meta l-Gvern qed jagħti tmien ġimgħat imħallsa bir-rata ta’ sick leave, u tmien ġimgħat oħra bla ħlas.
Permezz ta’ din il-miżura nixtiequ nindirizzaw ukoll li jkunu iktar ġenituri irġiel li jieħdu dan il-leave, għax skont statistika li ħareġ il-Ministeru tal-Politika Soċjali, fl-2023 – kienu biss ħdax-il raġel ġenitur li ħadu l-parental leave kontra 564 nisa.
U meta nitkellmu fuq single parent family fejn id-diffikultajiet jamplifikaw, parental leave ġeneruż se jaljeva ċ-ċirkostanzi.
Għaldaqstant, qed nipproponu:
■ Għajnuna finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal fit-tiena sena wara t-twelid. Hawnhekk qegħdin noffru l-opportunità lil dawk il-ġenituri li jixtiequ jkunu huma li jrabbu lit-tfal tagħhom għal żmien itwal qabel ma jirritornaw għax-xogħol, u nwieżnuhom għal dan ix-xogħol imprezzabbli, b’għajnuna ekwivalenti għas-sussidji li jagħti l-Gvern għall-kura tat-tfal (childcare centres).
■ Remote working iktar b’saħħtu kif ukoll flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol. Hawnhekk se ninkoraġġixxu lis-suq privat jadotta dawn it-tip policies billi nwieżnuh bi krediti tat-taxxa.
Aħna kburin li permezz ta’ dawn il-proposti l-Partit Nazzjonalista qed jafferma kemm għandu l-polz tal-familja moderna Maltija fl-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw biex ikollhom familja, u jsibu l-bilanċ li jixirqilhom bejn il-bżonn li jaħdmu u s-sabiħ li jrabbu u jgawdu lill-familja.
Għaldaqstant, dawn il-miżuri huma investiment… investiment fil-familji tagħna… investiment għall-ugwaljanza bejn il-ġeneru… investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-familji… investiment biex noħolqu ambjent ta’ sostenn li jagħmilha iktar possibbli għall-familji tagħna li jkollhom it-tfal.