Lokali

“Reġa’ tana lura d-dinjità” – Residenti ta’ San Blas

Għaqda u ringrazzjament.

Kienu dawn is-sentimenti fost dawk preżenti fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas fejn ingħata bidu għall-korteo funebri fil-jum li ingħata l-aħħar tislima Monsinjur Victor Grech.

NetNews tkellem ma’ numru ta’ persuni preżenti, fosthom Reuben Degabriele, li jaħdem mal-ħabsin, u li spjega li kien Monsinjur Grech li ressqu lejn il-Caritas. Fejn spjega li 18-il sena ilu, Monsinjur Grech talbu sabiex jibda’ jaħdem mal-Caritas. Esperjenza illi għallmet anke lilu.

Preżenti kienu wkoll ir-residenti li qed ipoġġu għall-programm f’dan iċ-ċentru terapewtiku tal-Caritas, li wrew l-apprezzament tagħhom lejn Monsinjur Grech…hekk kif huwa biss bis-saħħa tiegħu illi huma reġa’ kellhom iċ-ċans li jgħixu ħajja dinjituża.

Matul il-jum ingħatat l-aħħar tislima lill-Monsinjur Victor Grech. Huwa kellu bosta rwoli fis-soċjetà Maltija, fosthom bħala Rettur tas-Seminarju, Direttur Nazzjonali għall-Vokazzjonijiet u anke Delegat tal-Arċisqof fis-Segretarjat Ħidma Socċjali u ta’ Karità tal-Knisja.

Iżda huwa magħruf l-aktar għal-ħidma tiegħu ma’ persuni dipendenti fuq id-droga, fejn lura fl-1985 huwa waqqaf l-ewwel komunità terapewtika f’Malta u stabilixxa l-Fondazzjoni Caritas.

Apparti minn hekk, huwa waqqaf ukoll fondazzjoni għall-persuni bil-problema tal-użura, fondazzjoni għar-rijabilitazzjoni residenzjali u fetaħ ukoll erba’ ċentri residenzjali u outreach centre.

Bħala rikonoxximent tal-ħidma tiegħu, Monsinjur Grech ingħata numru ta’ unuri fosthom il-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena fl-2023, il-Premju Nazzjonali Speċjali għall-Ħidma Volontarja u Premju Ċittadin Ewropew fl-2012.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħajja ta’ Monsinjur Victor Grech bdiet b’korteo li telaq miċ-ċentru terapewtiku ta’ San Blas, fejn kompla lejn il-Knisja ta’ tal-Ibraġ fejn Monsinjur Grech serva bħala Saċerdot umbagħad ċċelebrat b’quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann b’quddies indirizzata mill-Arċisqof Charles Scicluna.