Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Monsinjur Victor Grech

Is-Sibt filgħodu ingħatat l-aħħar tislima lil Monsinjur Victor Grech: Il-fundatur ta’ Caritas Malta,  li miet fil-5 ta’ Frar fl-età ta’ 95 sena.

Mijiet ta’ nies inġabru fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta, sabiex isellmu għall-aħħar darba lil Monsinjur Victor Grech .. li se jibqa’ mfakkar għall-ħidma li wettaq tul ħajtu fis-soċjetà Maltija, mingħajr ma jħares lejn uċuħ.

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, waqt il-koncelebrazzjoni ewkaristika għall-ħajja ta’ Monsinjur Victor Grech,  iddeskriva lil Grech bħala saċerdot u benefattur tan-nazzjon li ddedika ħajtu għal Caritas Malta u sawwar il-missjoni u l-viżjoni tagħha għal għexieren ta’ snin.

L-Arcisqof kompla jgħid li, Monsinjur Victor Grech iddedika ħajtu għall-ġlieda kontra d-droga, l-alkoħol, il-faqar u l-inġustizzji soċjali.

Prezenti kien hemm il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ma’ martu AnneMarie, flimkien mal-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, u ghadd ta’ saċerdoti minn kull rokna ta’ Malta u Ghawdex.

Imwieled Bormla fl-1929, Dun Victor, jibqa’ mfakkar għall-ġid kbir li għamel fost il-vittmi tad-droga, hekk kif waqqaf l-Aġenzija Caritas u l-komunità ta’ voluntieri mħarrġa biex jappoġġjaw is-servizzi.

Rinomat għall-ħlewwa tiegħu u għall-pariri siewja li ta tul ħajtu, Monsinjur Victor Grech se jibqa’ mnaqqax f’qalb bosta persuni u familji għaliex bil-frażi “F’kull waqgħa hemm żerriegħa ta’ qawmien ġdid”, għallimna ma nħarsux lejn diffikultà bħala problema li tagħfġek imma bħala sfida u opportunità li tegħlibha.