Internazzjonali

Gaza: Ritorn lejn il-qerda…bil-ħruġ tal-Iżraeljani jiffaċilita l-aċċess mir-Rotta ta’ Netzarim

It-truppi Iżraeljani rtiraw mir-Rotta ta’ Netzarim – iz-zona militari li kienet qed tissepara n-naħa ta’ fuq min-nofsinar ta’ Gaza – u f’pass li jiffaċilita r-ritorn tal-familji Palestinjani lejn djarhom wara kważi ħmistax-il xahar ta’ gwerra.

L-irtirar tal-militar qed ikun segwit b’moviment akbar ta’ mijiet ta’ Palestinjani li qed jivvjaġġaw – bil-karettuni u vetturi – lura lejn it-Tramuntana ta’ Gaza….Ritorn lejn numru ta’ siti dominati mill-bini meqrudin mill-missili tal-Iżraeljani.

L-iritirar tal-Iżraeljani qed isir skont il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-grupp terroristiku Ħamas. Ftehim li kien konkluż fid-19 ta’ Jannar u li sallum ippermetta għall-ħelsien ta’ sittax-il ostaġġ Iżraeljani u viċin il-570 Palestinjan.

Ladarba, fi tlett ġimgħat, tikkonkludi l-ewwel fażi tal-waqfien mill-ġlied, mistenni li jkunu nħelsu mat-33 ostaġġ Iżraeljani flimkien ma’ viċin l-2,000 priġunieri Palestinjani.

Il-Ħamas kienu ħatfu mal-250 ostaġġ filwaqt li massakraw ‘il fuq minn 1,200 persuna meta wettqu l-attakki storiċi fl-artijiet ta’ Iżrael fis-7 ta’ Ottubru tal-2023…Azzjoni li wasslet għall-gwerra qalila f’Gaza u li fiha nqatlu talanqas 49,000 Palestinjan waqt l-offensiva tal-Iżraeljani.

Fl-istess ħin, in-Nazzjonijiet Uniti qalet li madwar żewġ-terzi tal-bini f’Gaza nqerdu jew ġarrbu ħsarat irreparabbli b’konsegwenza tal-gwerra u meta l-Palestinjani li qed jirritornaw lejn it-Tramuntana ta’ Gaza lanqas mhuma qed isibu postijiet għall-kenn.

Madwar 700,000 resident Palestinjani kienu ħarbu min-naħa ta’ fuq ta’ Gaza lejn in-naħat t’isfel tat-territorju malli s-suldati u t-tankijiet tal-Iżraeljani kienu qasmu lejn arthom (minn Iżrael) fl-ewwel sigħat wara l-attakki storiċi tal-Ħamas.

Qabel l-invażjoni, l-Iżraeljani kienu wissew lill-familji fit-Tramuntana ta’ Gaza biex jevakwaw kemm jista’ ikun malajr mill-inħawi. Intant, ħafna fost dawn ir-refuġjati Palestinjani, maż-żmien,  kienu sfurzati li jirrilokaw lejn diversi bnadi oħra wara li l-qawwiet Iżraeljani invadew ukoll in-naħat t’isfel ta’ Gaza.

Il-familji Palestinjani, f’din is-sitwazzjoni, ma setgħux jirritornaw lejn djarhom mir-Rotta ta’ Netzarim li ġġebbed mill-fruntiera ta’ Gaza ma’ Iżrael sal-kosta tal-Mediterran. Intant, ir-ritorn tal-Palestinjani lejn l-artijiet familjari għandu jirranka anki matul il-jiem li ġejjin.