Lokali

Għadd ta’ sportivi u professjonisti jappellaw biex is-settur sportiv jingħata prijorità akbar

L-attività li tella’ l-Partit Nazzjonalista matul il-jum tal-Ħadd kienet kollha kemm hi ddedikata għall-isport. Konferenza li nvolviet il-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ persuni li jaħdmu f’dan is-settur fejn iddiskutew il-fatt li l-isport ma jingħatax ir-rikonoxximent u r-rispett kollu li jeħtieġlu.

X’kienu l-appelli u l-ħtiġijiet li wasslu għadd ta’ sportivi u professjonisti f’dan is-settur tant importanti?

L-ewwel kelliema, lettur fl-Università ta’ Malta, Lara Tonna qalet li l-isport mhux logħob biss iżda attività fiżika, għodda li nużaw biex nedikaw lit-tfal biex din l-edukazzjoni titla’ magħhom meta jikbru. Hi tkellmet dwar il-ħtieġa li nagħtu iktar attenzjoni lejn dan is-settur għax kif l-attività fiżika ngħatat il-ġenb fl-aħħar snin.

Miguel Mifsud f’isem Sober Runners Malta rrikonoxxa l-fatt li kull vizzju jista’ jiġi mgħelub permezz ta’ xi sport u b’hekk aċċena l-importanza li dan is-settur ma jiġi mwarrab iżda jingħata importanza iktar minn qatt qabel.

Minn naħa tiegħu, Renzo Kerr-Cumbo f’isem il-coaches f’pajjiżna fakkar kif il-coaches huma dawk li jiggwidaw lill-atleti sabiex jirnexxu fl-isport u anke fil-karriera tagħhom f’dan is-settur.

Ġiet mistiedna wkoll biex tipparteċipa l-Malta Shooting Sport Federation, bi Frans Pace jgħid li s-suċċessi qatt ma jiġu b’kumbinazzjoni iżda b’differenza jiġu grazzi għal federazzjonijiet li jaħdmu bla qatieh. Iżda dan ifisser ukoll li għaqdiet simili jeħtieġu li jiġu mgħejjuna minn kull aspett.

Il-President tal-Futsal f’Malta, Mark Borg jeħtieġ viżjoni għaliex bħalissa għaddejjin minn diffikultà għal nuqqas ta’ riżorsi u spazju. Jekk dan ma jsirx, wieħed jiġi dimotivat milli jkompli jaħdem biex itejjeb l-abbiltajiet tiegħu fl-isport.

Karl Izzo mill-Aquatic Sport Association tkellem dwar ix-xogħol ma jaqta’ xejn li jsir minn din l-assoċjazzjoni fejn irrikonoxxa x-xogħol volontarjat li jsir jum wara l-ieħor. Huwa tkellem dwar l-importanza dwar is-safeguarding u l-edukazzjoni sabiex kull atleta jkun jista’ jasal għall-aspettattiva tiegħu.

Kien mistieden ukoll Joseph Grima, il-moħħ wara Malta Paralympic Committee, fejn irrikonoxxa l-fatt kemm l-isport huwa tant importanti għal kull persuna bi bżonnijiet speċjali. Iżda mhux biss. L-isport jgħin ukoll sabiex jgħeleb anke l-problemi ta’ saħħa mentali. L-isport li għandu jintuża biex wieħed iħossu aħjar u jimxi ‘l quddiem, irrispettivament mill-età. Huwa ġibed l-attenzjoni li wieħed jeħtieġ jara x’diffikultajiet wieħed qed isib biex jagħmel xi forma ta’ sport.

Anna Maria Gatt, bħala lettur fl-MCAST, tkellmet f’isem l-istudenti fejn qalet li l-opportunitajiet qegħdin hemm. Iżda, hi wasslet l-appell tagħha li jsir l-investiment infrastrutturali filwaqt li l-istudenti jingħataw l-opportunitajiet u l-ispazji biex jiġu mpjegati, anke fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, sabiex jibdew jidħlu ftit ftit f’dan is-settur.

Intervjena b’diskors qasir il-President tal-Malta Tennis Federation, Marc Gingell Littlejohn tkellem dwar ix-xogħol li jsir kontinwament mill-Federazzjoni. Huwa tkellem dwar l-importanza li t-tfal jingħataw għajnuna sabiex ma jaqtgħux qalbhom sempliċiment għaliex m’hemmx min jinkoraġġihom u jgħinhom dwar x’għandhom jagħmlu eżatt.

Antoine Attard appella f’mod speċjali għal iktar investiment, f’mod speċjali fejn tidħol l-infrastruttura għaliex din qed twaqqaf milli l-isportivi jkunu kapaċi jirnexxu f’dan is-settur.

Maria Azzopardi mill-MFA fakkret kif l-isport jeħtieġ ikun parti minn ħajjitna u m’għandux ikun biss fil-ħin liberu iżda jmur id f’id mal-edukazzjoni.

Chris Micallef minn TimSportPN faħħar ix-xogħol li wettaq il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin, b’mod speċjali taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech. Huwa fakkar kif l-isport għandu mhux biss jagħti opportunità ta’ attivita fiżika iżda anke jgħaqqad lil pajjiżna. Chris Micallef irrikonoxxa li fl-aħħar snin sar ħafna investiment iżda fakkar li għadd hemm ħafna x’isir.

Il-kunsillier, Antoine Attard tkellem dwar l-importanza li nħeġġu l-anzjani biex iżommu ruħhom attivi ħalli l-ġisem jibqa’ wieħed san. U b’hekk wassal ukoll l-appelli lill-Kunsilli Lokali biex biss biex jinkoraġixxu biex dan iseħħ iżda jassiguraw li f’kull lokalità jkun hemm spazju sigur għal min jixtieq jagħmel xi forma ta’ sport.

Neil Camenzuli, bħala ġurnalist sportiv ma’ Media.Link Communications tkellem dwar l-investiment xieraq li għandu jibda minn livell edukattiv fl-isport u fil-ġurnaliżmu. B’dan l-investiment jeħtieġ li jibqa’ jsir anke fuq il-post tax-xogħol hekk kif il-ġurnalist sportiv qed isofri minn għadd ta’ inġustizzji.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo