Internazzjonali

Il-Ġermanja viċin l-elezzjoni: Tmiem il-ġimgħa ta’ dimostrazzjonijiet ‘intensivi’ kontra l-estremisti tal-AfD

Il-poplu Ġermaniż qed joħroġ kontinwament fit-toroq biex jesprimi l-inkwiet dwar il-possibbiltà li l-Partit estremista tal-lemin, Alternativ fur Deutschland, ikollu influwenza kbira fl-amministrazzjoni futura tal-pajjiż….Dan meta l-Partit Afd – li jħaddan ideoloġija Nażista fost oħrajn – qed jidher bħala t-tieni l-aktar entità politika b’saħħitha fil-pajjiż u meta l-Ġermaniżi, bħalissa, qed iħejju għall-elezzjoni ġenerali li se ssir fit-23 ta’ Frar.

Fl-aħħar sigħat, folol ta’ ‘il fuq sew minn 200,000 dimostrant ħadu sehem fir-rallies kontra l-estremisti tal-lemin organizzati fil-belt ta’ Munich, fil-Bavarja.

L-għajta li dwiet waqt id-dimostrazzjonijiet kienet ‘Le għal ritorn lejn il-passat Nażista’…. L-inkwiet qed jiżdied minn jum għal jum meta l-AfD – li qed jingħata appoġġ sostanzjali mingħand il-biljunarju Elon Musk, li hu influwenti ħafna fil-Gvern tal-Istati Uniti –wiegħed biex jirranka politika estremista kontra l-immigrazzjoni lejn il-Ġermanja.

It-tħassib tal-poplu hu rifless fil-fatt li l-protesta fiz-zona ta’ Theresienwiese – il-parti ta’ Munich fejn isir l-Oktoberfest – attira l-folol ħafna akbar milli mistenni.

Fil-fatt, l-organizzaturi tal-avveniment qed jikkalkulaw li l-folol fi Munich setgħu anki qabżu t-320,000 persuna li wasslu ċar il-messaġġ li ‘il-mibgħeda u r-razziżmu mhumiex alternattiva’. Dan waqt li n-nies intervistati qablu li ma jistgħux jittolleraw sitwazzjoni fejn l-estremiżmu perikoluż tal-passat ‘jerġa’ jgħolli rasu għad-detriment tas-soċjetà Ġermaniża’.

Qed jingħaqdu f’dawn il-protesti diversi gruppi ta’ attivisti, fosthom il-knejjes u entitajiet bħall-Munich Film Festival u l-klabbs tal-futbol FC Bayern Munich and TSV 1860.

Id-dimostrazzjonijiet kontra l-estremiżmu tal-lemin qed isiru madwar il-Ġermanja u fl-ebda ħin ma qabżu l-limiti ta’ dak meqjus bħala aċċettabbli. Dan fost l-organizzazzjoni ‘sistematika’ ta’ rallies kontra l-AfD fi bliet bħal Hanover, Dusseldorf, Frankfurt u Rostock.