Lokali

Il-Gozo Channel tberbaq iktar minn €300,000 fuq suppost uffiċini f’ħames snin

Ritratt: Mill-arkivji

Grazzi għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Alex Borg, ix-Shadow Minister għal Għawdex, sar magħruf li l-kirja ta’ binja – supermarket fl-Imġarr, Għawdex – biex suppost tkun konvertita f’uffiċini għall-Gozo Channel, s’issa diġà swiet lill-istess Gozo Channel aktar minn €300,000.

Il-kirja daħlet fis-seħħ fl-2019 iżda sal-lum baqgħet fl-istat li kienet oriġinarjament… ċioè fi stat ta’ telqa hekk kif meta nkriet kien hemm struttura li sservi bħala supermarket u llum għad hemm l-istess binja mingħajr ma saru fiha ebda xogħlijiet ta’ ristrutturar fil-bini. 

Fil-mistoqsija parlamentari tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Alex Borg staqsa lill-Ministru Clint Camilleri  jgħid kemm hi l-kirja tal-post li se jinbena bħala uffiċċju tal-Gozo Channel flok il-garaxx li kien użat bħala supermarket? Jista’ jgħid ukoll kemm inħarġu flus mill-Gozo Channel għat-tiswija ta’ dan il-post sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri – dejjem taħt il-lenti biex iwarrab in vista tad-diversi skandli mdaħħal fihom – wieġeb li l-kirja li l-Gozo Channel qegħda tħallas fuq l-uffiċini hija ta’ €65,129.48 kull sena! Jiġifieri sal-lum din il-kirja qabżet it-€300,000 mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.  

Sadattant minn aktar stħarriġ li għamlet din il-gazzetta dwar dan l-iskandlu – għax dan mhu xejn għajr skandlu ieħor  fil-veru sens tal-kelma – jirriżulta li  l-fond mhux użat iżda mikri lill-Gozo Channel hu ta’ kumpanija li kienet klijenta tal-Awditur Joe Cordina ċ-Chairman tal-Gozo Channel… il-fond fl-Imġarr, sit tal-eks Supermarket Ta’ Miema, kien mikri mingħand A & J Hili ta’ Miema Ltd. 

Bla dubju ta’ xejn li minn dan l-iskandlu kollu joħroġ ċar eżempju klassiku ta’ kunflitt ta’ interess għalkemm is-sidien ta’ Ta’ Miema jidher li  ma kenux baqgħu jużaw is-servizzi ta’ Joe Cordina sa mill-2016. 

Joe Cordina, li jgħid li hu ma kienx involut fid-deċiżjoni meħuda mill-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-kumpanija f’din il-kirja, hu Eks Sindku Laburista tax-Xagħra u ilu jservi bħala Chairman tal-Gozo Channel sa minn meta l-Labour daħal fil-Gvern fl-2013. 

Sorsi infurmati mitkellma minn Il-Mument urew ix-xettiċiżmu tagħhom dwar għalfejn il-kumpanija Gozo Channel kriet din il-binja biex sal-lum baqgħet ma għamlet l-ebda użu minnha. 

Il-kirja tal-binja tas-supermarket tqajjem mistoqsijiet sinifikanti ta’ ppjanar ħażin u ħala ta’ riżorsi għaliex wara li l-binja kienet mikrija, baqgħet fi stat ta’ abbandun għal kważi ħames snin sħaħ minħabba li l-kumpanija m’għandhiex il-fondi meħtieġa biex tikkonvertih f’uffiċini.