Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, żvela li hu ‘diġà’ kellu diskursata, bit-telefon, mal-President Russu, Vladimir Putin, rigward il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. Fil-fatt, Trump qal li kellu ‘aktar minn diskursata waħda’ ma’ Putin mindu laħaq President mill-ġdid – u li l-Mexxej Russu ‘għandu x-xewqa li ma jkomplux imutu n-nies b’kaġun tal-konflitt.’
Trump ħareġ b’dawn il-kummenti waqt li kien qed ikellem lill-membri tal-media fuq l-ajruplan Air Force One riservat għall-Presidenza. Hu esprima ‘dispjaċir u rabja għall-fatt li ċ-ċifri tal-vittmi ( fl-Ukrajna) qed jiżdiedu ma’ kull ġurnata’ fost l-insistenza li hu se jimpenja ruħu biex il-gwerra tasal fi tmiemha.
Il-Mexxej Amerikan ma żvelax kemm-il darba kien tkellem ma’ Putin iżda qal li huma għandhom ‘relazzjoni tajba’. Dan ukoll meta Trump, qabel assuma r-riedni ta’ pajjiżu għat-tieni darba, wiegħed li, ‘bħala President’, kien se jtemm il-gwerra fl-Ukrajna fi żmien ’24 siegħa’.
Intant, l-uffiċjali ewlenin f’Washington, issa, qed jindikaw li din il-gwerra se tkompli fix-xhur li ġejjin u b’oħrajn jiddubitaw kemm Vladimir Putin tassew irid jirritorna madwar il-mejda tan-negozjati.
F’Moska, Dmitry Peskov, il-kelliem għall-Kremlin, qal li ‘ma setax jiċħad jew jikkonferma’ li saru d-diskursati ta’ Trump ma’ Putin. Hu sostna li ‘l-komunikazzjonijiet bejn ir-Russja u Washington, is-soltu, isiru bil-mezzi differenti’.
//= $special ?>