Internazzjonali

Il-Kosovo: Vot nazzjonali li jindirizza t-tensjoni mas-Serbi — flimkien mal-ekonomija

L-elezzjonijiet ġenerali li qed isiru fil-Kosovo huma l-akbar eżami għall-Gvern tal-Prim Ministru Albin Kurti mindu r-Repubblika kisbet l-indipendenza fl-2008.

Intant – u minkejja t-tensjoni kbira bejn il-komunitajiet tal-Albaniżi u s-Serbi f’minoranza – din kienet anki l-ewwel darba li l-Parlament fi Pristina seta’ jikkonkludi l-mandat sħiħ, validu għal erba’ snin.

Minbarra t-tensjoni u l-vjolenza bejn l-Albaniżi u s-Serbi lokali, issue importanti oħra fl-elezzjonijiet titratta l-ekonomija li għaddejja minn żmenijiet ħżiena ħafna.

Il-votanti, sadanittant, qed jeleġġu mal-120 deputat minn fost 26 gruppi politiċi –flimkien ma’ kandidat wieħed indipendenti.

Dan hu anki d-disa’ vot parlamentari fil-Kosovo mit-tmiem tal-gwerra tal-1996-99 bejn il-qawwiet tal-Gvern Serb u l-Albaniżi separatisti etniċi – u bil-konsegwenza li l-militar Serb kellu joħroġ mil-Kosovo taħt il-pressjoni tal-qawwiet tal-ajru tan-NATO.