Lokali

Il-Partit Nazzjonalista qed ifassal il-politika tiegħu b’enfasi fuq l-inklussività tal-isport fil-ħajja ta’ kuljum

Waqt konferenza dwar l-isport imtella’ mill-Partit Nazzjonalista, George Vital Zammit fl-irwol preżenti tiegħu fejn qed ifassal il-programm elettorali tal-istess partit, qal li l-programm elettorali se jkun imfassal fuq studji u diskussjoni, inkluż mal-isportivi – settur li f’dawn l-aħħar snin ma ingħatax l-attenzjoni mistħoqqa.

George Vital Zammit fakkar kif l-isport mhux biss passatemp li wieħed jagħmel kultant żmien iżda l-isport huwa dak li joħloq inklużjoni soċjali, joffri attività fiżika, u joffri wkoll opportunità li l-ebda settur ieħor mhu kapaċi joffri lill-individwu.

B’hekk, din il-konferenza ttellgħet biex tisma’ lil dawk kollha nvoluti fis-settur tal-isport sabiex l-appelli tagħhom jiġu kkunsidrati u jidħlu fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għaliex kif wiegħed fil-passat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech bl-għajnuna ta’ diversi persuni, se jkun qed jisma’ u jaġixxi għall-bidla tant meħtieġa.