Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Betsson Depiro pass ‘l bogħod minn ċertezza tal-ewwel post

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Starlites JSD…………………62

Valletta Lioneses…………42

(14-7)(17-9)(11-14)(20-12)

Starlites JSD kisbu l-għaxar rebħa tagħhom fil-kamjonat meta għelbu lil Valletta 62-42 u issa jiltaqgħu kontra Athleta fil-kwarti tal-finali tal-Mapfre MSV Life Knock-out li se jibda l-ġimgħa d-dieħla. Starlites kellom players neqsin bħal Mariah Fenech u Michela Zammit Cordina bil-coach Peter Shoults jintroduċi aktar żgħażagħ bħal Mia Cassar Borg u Martina Costa. Valletta kienu mingħajr Milica Stefanovic u Maria Momcilovic għalkemm kellhom lura lil Adriana Caballero. Il-ftuħ tal-partita kien bilanċjat fejn iż-żewġ timjiet irrispondew lil xulxin għal skor baxx ta’ 8-7 wara kważi 8 minuti logħob. Starlites irnexxielhom jagħmlu sitt punti mingħajr risposta minn Ylenia Bonett, Sasha Lecuyer u Mikela Riolo għal skor ta’ 14-7. Fit-tieni taqsima, wara punti minn Sarah Kankaras għal Valletta, kien hemm mument tajjeb minn Starlites bi break ta’ 13-0. Huma kellhom żewġ trippli minn Christina Curmi u oħra ta’ M. Riolo biex marru 27-9 minn fuq. Ir-risposta ta’ Valletta ġiet minn trippla ta’ Olensia Malashenko u t-taqsima għalqet b’basket fuq kull naħa minn Samantha Tabone u Alexia Parnis għal skor ta’ 31-16.

Fit-tielet taqsima, Starlites kabbru l-vantaġġ permezz ta’ Napoleon u M. Riolo. Hawn Valletta għamlu run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Malashenko u naqqsu d-distakk għal 9 punti. Starlites irkupraw bil-punti ta’ Bonett u Napoleon biex temmew it-taqsima 42-30 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, Starlites fetħu bi trippla ta’ Curmi u punti minn Napoleon u Bonett biex reġgħu fetħu vantaġġ konsiderevoli 51-30. Kien hemm ħin għal trippla oħra fuq kull naħa minn Sasha Lecuyer u Malashenko u basket tad-debuttanta Mia Cassar Borg hekk kif Starlites ħarġu rebbieħa 62-42.

Starlites  JSD: S. Lecuyer 7, M. Riolo 9, M. Cassar Borg 2, P. Riolo 2, E. Degiorgio, A. Lupo, M. Napoleon 10, Y. Bonett 15, F. Vella 4, S. Tabone 2, C. Curmi 9, M. Costa 2.

Valletta: A. Parnis 4, S. Abugrin 6, N. Caruana, A. Caballero 2, M. Mifsud, A. Nikishina 1, H. Grixti, T. Nikishina, S. Kankaras 8, O. Malashenko 21.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi

Hibernians……………….65

Betsson Depiro………84

(10-25)(19-18)(26-22)(10-19)

Betsson Depiro rkupraw mit-telfa li ħadu kontra Luxol meta għelbu lil Hibernians 84-65.  Għal Hibs kienet nieqsa Elena Cassar u postha ħadithu Amy Mallia fil-waqt li Depiro kienu mingħajr Mariah Micallef u nkludew lil Jasmine Mallia. Depiro ħarġu agressivi u preċiżi fl-attakk tant li kmieni fl-ewwel taqsima kienu diġa 17-4 minn fuq wara trippli minn Kristy Galea, Julia Borg u Janai Crooms  flimkien mal-punti ta’ Claire Ciantar u l-istess Crooms. Hibs ippruvaw jirkupraw bil-punti ta’ Maria Bonett u Ashiala Jackson però sabu lil Depiro jirrispondu minkejja li Crooms kellha tħalli l-court bit-tielet foul. Depiro għalqu t-taqsima bil-punti ta’ Joselle Borg Cardona u Galea għal skor ta’ 25-10. Fit-tieni perjodu, Depiro komplew bi break ieħor ta’ 13-4 bi trippla oħra ta’ Borg li kellha wkoll żewġ baskets flimkien ma’ Galea u Julia Borg Xerri. Hibs naqqsu d-distakk b’run ta’ 9-0 bil-punti ta’ Steffi De Martino u Julija Dabic però Borg għamlet ir-raba’ trippla tagħha biex Depiro daħlu jistrieħu 43-29 minn fuq.

Wara l-intervall, tlett punti ta’ Jackson qarrbu lil Hibs sa’ 9 punti taħt l-avversarji però Depiro malajr irrispondew b’disa’ punti oħra u reġgħu marru 20 minn fuq 54-34. Hibs kellhom sensiela oħra ta’ punti konsekuttivi però Borg għamlet żewġ trippli oħra. It-taqsima għalqet bi break ta’ 9-2 minn Hibs bil-punti ta’ Jackson, Bonett u De Martino għal skor ta’ 55-65. Trippla ta’ De Martino fetħet l-aħħar taqsima biex Hibs għal darbtejn waslu sa’ seba’ punti ‘l bogħod. Depiro reġgħu ħadu l-partita f’idejhom bi break ta’ 12-2 biex serrħu rashom mir-rebħa fuq skor finali ta’ 84-65.       

Hibernians:  M. Buhagiar, S. Vella, A. Saliba 6, J. Abela, M. Bonett 13, S. De Martino 13, K. Calleja 2, N. Farrugia 23, A. Jackson, K. Caruana, A. Mallia, J. Dabic 8.

Betsson Depiro: N. Agius, J. Borg Xerri 9, J. Mallia, L. Sciberras 2, No. Agius, C. Ciantar 10, J. Borg 28, N. Borg, K. Galea 11, J. Borg Cardona 5, H. Farag, J. Crooms 19.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia.

Athleta………………….46

Caffè Moak Luxol…81

(7-24)(14-18)(13-18)(12-21)

Caffè Moak Luxol għalqu l-ġurnata ta’ qabel tal-aħħar mill-istaġun regolari b’rebħa fuq Athleta 81-46. Kienet okkażjoni oħra għal coach Roderick Vella li jagħti ħin lill-players ta’ fuq il-bank hekk kif ninsabu ftit ġranet ‘l bogħod mill-kompetizzjoni tan-Knock-out u l-bidu tal-play-offs. L-ewwel punti tal-partita ġew minn Anna Fenech Pace u Vanya Baldacchino għal Luxol b’Athleta jwieġbu permezz ta’ Nicole Vella u Kennedi Williams. Hawn però wasal l-ewwel break determinanti ta’ Luxol li kellhom 15 –il punt mingħajr risposta maqsum bejn diversi players bħal Sarah Fenech Pace, Rebecca Naudi u Brandi Huffhines. Athleta finalment wieġbu permezz ta’ Williams u Laura Camilleri però Luxol għalqu t-taqsima bi trippla ta’ Huffhines għal skor ta’ 24-7. It-tieni perjodu kompla bl-istess andament  ħlief għall-ewwel ftit minuta fejn iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin.  Luxol għaddew biex jagħmlu run ta’ 12-0 bi trippla ta’ Huffhines u punti ta’ Baldacchino u A. Fenech Pace. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Britney Agius u Nicole Vella biex fil-mistrieħ Luxol kienu 42-21 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ bil-punti ta’ Diaby u Huffhines fil-waqt li Athleta kellhom il-baskets ta’ Camilleri u Vella. S. Fenech Pace flimkien ma’ Huffhines u Naudi kabbrulhom il-vantaġġ 60-34. L-aħħar sessjoni kienet biss formalita fejn kien hemm fost l-oħrajn disa’ punti bi trippla minn Rebecca Fenech Pace. Huffhines ukoll għamlet trippla qabel inbidlet bl-Athleta jwieġbu bit-three pointers ta’ Williams u l-punti ta’ Kaya Abela għal skor finali ta’ 81-46.

Athleta: K. Williams 20, B. Agius 4, M. Ferrante 2, N. Vella 5, M. Cassar Pickard, F. Sant, A. Micallef 2, J. Cipriott 2, Ke. Abela, C. Caruana 3, Ka. Abela 3, L. Camilleri 5.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott, L. Fenech Pace, M. Marmara, N. Vella 2, E. Abela 2, S. Fenech Pace 13, J. Diaby 12, B. Huffhines 20, V. Baldacchino 8, R. Fenech Pace 9, R. Naudi 6, A. Fenech Pace 9.

Referees: Miguel De Flavia, Wendell Lim