“L-isport se jingħata prijorità fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt konferenza li ttellgħet mill-Partit Nazzjonalista dwar l-isport.
Bernard Grech tkellem dwar l-importanza li l-gvern elett miċ-ċittadini jagħti prijorità akbar lis-settur sportiv, f’mod speċjali fejn jidħol l-investiment u l-finanzi. U dan jista’ jsir billi minflok jinħlew flus sabiex proġett isir u jinqala’ iktar minn darba, dawn l-istess flus jiġu investiti fl-atleti Maltin.
“Irridu ninvestu fin-nies għax hawn nies li m’għandhomx ħin biżżejjed għalihom infushom,” qal Bernard Grech. “L-investiment fil-kwalità tal-ħajja, l-investiment fix-xogħolijiet, l-investiment fl-ekonomija, u oħrajn, ifissru li wieħed jaħdem biex jgħix iżda jaħdem ukoll biex jiddedika ħajtu għal familja tiegħu u anke għal saħħa aħjar. Ejja nagħtu settur sportiv iktar b’saħħtu.”
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu ferm l-isport tant li wiegħed li pajjiżna jkollu ministeru u ministru ddedikat biss għall-isport minflok jibqa’ xi ħaġa sekondarja.
Dan ma jfissirx li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jissepara l-isports mill-edukazzjoni, anzi Bernard Grech irrikonoxxa kif kull sport jirrekjedi dixxiplina kbira.
Bernard Grech qal ukoll kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jgħin l-isportivi fejn jidħlu kompetizzjonijiet internazzjonali sabiex jittaffu l-ispejjeż ta’ vvjaġġar.
Dan apparti li tkellem dwar l-possibbiltà li jitneħħa l-VAT, li għandu jsir b’mod ikkontrollat ħalli ma jkunx hemm abbuż.
Il-Kap tal-PN qal ukoll kif il-federazzjonijiet jeħtieġu għajnuna mill-Gvern billi ħaddiem jew tnejn jiġu mħallsa mill-fondi pubbliċi sabiex jittaffielhom mill-ispejjeż li jkollhom.
Dwar il-Kunsilli Lokali, Bernard Grech irrikonoxxa l-ħtieġa li dawn ikollhom involviment ferm ikbar biex iħeġġu l-aċċessibiltà għal attività fiżika għal dawk il-persuni kollha ta’ kull età.
Huwa wiegħed li d-diskussjoni dwar l-isport se tibqa’ għaddejja anke fil-ġimgħat u x-xhur illi ġejjin. U ma jistax jonqos li dawn id-diskussjonijiet ma jiqfux hemm iżda, b’differenza, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jassigura li kull proposta tiġi implimentata.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm fost l-oħrajn il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione u s-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino.
//= $special ?>