Tliet irġiel ingħataw sentenzi ta’ ħabs sospiża l-Ħadd wara li ammettew li kienu involuti fi ġlieda f’Paceville li ħalliet tliet uffiċjali tal-pulizija feruti ħafif. L-aħwa Denzil Bartolo ta’ 27 sena, Dalton Bartolo ta’ 28 sena u Yurgen Grech ta’ 25 sena ġew arrestati wara ġlieda fi Triq Dragonara fl-4.30am tas-Sibt li għadda.
Meta l-uffiċjali waslu fuq il-post, sabu lill-irġiel bil-fliexken tal-ħġieġ f’idejhom. Minkejja li ppruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni, l-argument eskakla u tliet uffiċjali tal-pulizija sofrew ġrieħi ħfief. Kellhom jużaw it-taser fuq Grech wara li farrak il-flixkun tal-ħġieġ.
It-tlieta tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech u ġew akkużati li rreżistaw l-arrest, heddew u kkaġunaw ġrieħi ħfief lill-uffiċjali tal-pulizija. Huma ġew akkużati wkoll li kisru l-paċi u użaw lingwaġġ oxxen fil-pubbliku.
Dalton Bartolo kien mixli wkoll b’pussess ta’ kokaina. It-tlieta wieġbu ħatja. L-avukati difensuri talbu lill-qorti biex ma timponix sentenza effettiva ta’ ħabs iżda waħda sospiża minħabba l-koperazzjoni tal-akkużati waqt l-investigazzjonijiet u l-ammissjoni bikrija tagħhom. Kemm l-ispettur kif ukoll l-avukat parte civile qablu ma’ dawn is-sottomissjonijiet.
Huma ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultati €4,000 kull wieħed. Dalton Bartolo ġie ordnat ukoll iħallas somma addizzjonali ta’ €130 lil pulizija. Għat-tliet akkużati dehru l-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb. L-avukati Herman Mula u Silvan Pulis dehru bħala parte civile.