Raġel ta’ età avvanzata li huwa magħruf sew mal-Pulizija u li jogħod iż-Żurrieq ġie kundannat xahrejn ħabs wara li offenda, hedded u għajjar lill-pulizija meta marru biex jassistuh fuq rapport li għamel huwa stess. Joseph Zahra ta’ 70 sena kien mixli wkoll li fl-2019 li kiser il-paċi pubblika, m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, ġiegħel annimali jbatu u li hu riċediv.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-Pulizija rċeviet rapport minn Zahra li qal li kien qed jibża’ minn ibnu li kien se jmur għalih u jaggredih. Minħanna li l-imputat u t-tifel kienu ta’ spiss jargumentaw il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post. Meta waslu firdu lill-missier u lill-iben hu kien hawn lki Zahra beda jgħajjar u jhedded lill-Pulizija u spiċċa arrestat.
Minn naħa tiegħu iben l-imputat allega li kien hemm diversi annimali fir-residenza li ma kinux miżmuma sew. Kien għalhekk, intalbet l-assistenza tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali. Sakemm waslu, l-imputat qabad u telaq mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-pulizija.
Għaldaqstant, l-uffiċjali daħlu fir-residenza meta ma kienx hemm hu u sabu annimali mejta u oħra mhux miżmuma sew. Minn hemm ġew elevati diversi għasafar u ttieħdu għall-kura. Aktar tard l-imputat mar minn rajh l-għassa u skuża ruħu mal-pulizija.
Ħareġ li r-raġel beda jgħajjar lill-pulizija għax ħaseb li ma kinux se jisimgħu l-verżjoni tiegħu. Il-Qorti qalet li l-fatt li talab skuża jfisser li qed jammetti li wettaq dan l-aġir. Qieset li mix-xhieda ta-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali ħareġ li kien hemm ammont kbir ta’ għasafar miżmuma fil-ħmieġ, b’diversi minnhom mejta, u oħrajn bil-ġuħ u b’ilma maħmuġ. Dan kollu waqt li kienu f’gaġeġ imsaddin.
Min-naħa tiegħu, iżda ċaħad li kien qed iżomm l-għasafar f’kundizzjonijiet mhux xierqa. Madankollu, il-Qorti qieset li x-xhieda tiegħu mhix kredibbli. Fis-sentenza tagħa l-Qorti qieset li għandu fedina penali li fiha 109 faċċati ta’ reati differenti, fosthom serq, ksur ta’ liġijiet tas-sewqan u attakk u theddid fuq il-pulizija.
Il-Maġistrat Mars-Ann Farrugia sostniet li ma jiġġustifikax għemilu, li wara li marru l-pulizija fuq talba tiegħu stess, spiċċaw mgħajra u mhedda għax bdew jagħmlu dmirhom. Qalet li dan ma kienx l-ewwel każ tiegħu ta’ din ix-xorta. Għaldaqstant hija sabitu ħati u kkundannatu xahrejn ħabs u mmultatu €3,000.
//= $special ?>