Fl-aħħar xhur, Robert Abela tkellem apertament dwar il-mossa tiegħu – li jrid iwaqqaf liċ-ċittadini milli jitolbu li ssir investigazzjoni minn maġistrat. U b’hekk dan ifisser li persuni fl-ogħla karigi jistgħu jabbużaw fil-pożizzjoni tagħhom u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ma jkunux jistgħu jiqfulhom.
Quddiem din is-sitwazzjoni, l-editur tal-MaltaToday staqsa x’hemm x’wieħed jaħbi biex il-Prim Ministru ta’ pajjiżna stess qed jaħdem biex jittieħed id-dritt li l-Maltin u l-Għawdxin imorru l-Qorti sabiex iwaqqfu xi abbuż li kapaċi jkun qed isir.
L-Editorjal innota kif il-Gvern qed ipinġi r-riforma bħala waħda li se tkun qed tipproteġi liċ-ċittadini mill- “prosekuzzjoni” minn dawk li, skont il-Gvern, qed jipprovaw jabbużaw mis-sistema ġudizzjarja. Iżda, fil-verità, din ir-riforma se tkun qed twassal biss biex tipproteġi lil ministri, politiċi u uffiċjali għolja milli jaffaċċjaw xi forma ta’ skrutinju.
Kif inhi l-liġi bħalissa, kull ċittadin għandu d-dritt li jitlob lill-Qorti biex issir inkjesta maġisterjali jekk jissusspettaw li hemm xi ħaġa li mhix timxi kif għandha timxi kaġun ta’ xi abbuż minn xi individwu. Sistema li uriet li hi effettiva sabiex diversi politiċi, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru tiegħu Konrad Mizzi, kif ukoll Keith Schembri, jaffaċjaw akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Ladarba din is-sistema titwaqqaf, kif irid Robert Abela, allura dawn il-persuni u oħrajn bħalhom ikunu jistgħu jabbużaw qisu xejn mhu xejn; u qatt ma jaffaċċjaw xi forma ta’ akkużi fil-Qorti.
Riforma li l-editorjal iqisha bħala waħda li qed tqajjem suspett serju. Tant illi jistaqsi jekk Abela hux qed jgħaġġel permezz ta’ dawn il-bidliet għax jibża’ minn xi forma ta’ investigazzjoni li tista’ timbarazzah.
Jistaqsi wkoll minn xiex eżatt qed jibża Robert Abela u x’qed jaħbi biex irid din ir-riforma tidħol fis-seħħ illum qabel għada. L-editur jagħlaq billi jgħid li n-nies ħaqqhom tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet.
//= $special ?>