Żewġ investigazzjonijiet separati b’rabta ma’ importazzjoni ta’ droga u sustanzi oħra illegali, wasslu għall-arrest ta’ żewġt irġiel.
Fl-ewwel każ, raġel ta’ 25 sena mill-Bożnija-Ħerzegovina, ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan hekk kif waqt tfittxijiet ta’ rutina li kienu qegħdin isiru fuq passiġġieri differenti, ir-raġel, li kien għadu kemm wasal Malta fuq titjiera minn Barċellona, deher jaġixxi b’mod suspettuż.
Għaldaqstant wara tfittxija li saret fil-bagalja, bl-assistenza ta’ uffiċjali tad-Dipartiment tad-Dwana, instabu seba’ pakketti li fihom kien hemm madwar 8 kilogrammi sustanza suspettata kannabis.
F’investigazzjoni oħra, raġel ta’ 33 sena mill-Ġordan kien arrestat wara li mill-investigazzjonijiet irriżulta li allegatament bidel residenza f’post biex tiġi mmanifatturata sustanza illegali ta’ GHB u droga sintetika oħra.
Dan irriżulta wara li aktar qabel il-Pulizija kkonfiskat pakkett suspettuż li wasal bil-posta, indirizzatat lir-raġel fir-residenza fl-Imġarr. Fl-istess residenza l-Pulizija sabet ukoll numru ta’ pakketti b’sustanza bajda, allegatament kokaina. Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu ,
quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech.