Tul il-jum tat-Tlieta l-Kamra tar-Rappreżentanti mistennija tiddiskuti fl-istadju tat-tieni qari t-tibdil fil-liġi b’rabta mal-Inkjesti Maġisterjali li jrid idaħħal il-Gvern ta’ Abela – bidla li rċeviet kritika qawwija mill-Kamra tal-Avukati, il-Malta Employers, l-GĦsl, il-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri, il-Professur Kevin Aquilina, flimkien ma’ għaqdiet varji.
Din il-mossa ġiet deskritta bħala theddida diretta fuq id-demokrazija ta’ pajjiżna, mossa biex Abela jipproteġi lil tal-qalba u ta’ madwaru fil-konfront ta’ investigazzjonijiet fuq il-korruzzjoni, mossa li ċċaħħad id-dritt taċ-ċittadin milli jitolbu għal ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali.
Dan filwaqt li aktar tard matul il-ġimgħa, il-Ħamis, il-Partit Nazzjonalista mistenni jressaq mozzjoni b’soluzzjonijiet għall-problema tal-għoli tal-ħajja.
Aktar kmieni il-Partit Nazzjonalista insista li fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali fost oħrajn ikel u mediċini, hemm il-ħtieġa u l-bżonn li l-parlament jiddiskuti l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom il-familji Maltin u Għawdxin mill-aktar fis.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob li l-aġġustament tal-għoli tal-ħajja, ċioè l-COLA, jingħata kollu kemm hu u ma jkunx taxxabbli, li jitwaqqaf fond nazzjonali biex jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-importaturi u l-esportaturi.
Dan filwaqt li l-Gvern għandu jipprovdi krediti ta’ taxxa lill-SMEs u n-negozji biex jgħinhom jassorbu żieda fil-pagi mingħajr ma jkollhom ikomplu jgħolew il-prezzijiet.
Għaldaqstant din il-ġimgħa hija ġimgħa ferm importanti għal Robert Abela, ġimgħa fejn irid juri verament x’inhu l-għan tat-tmexxija tiegħu, jekk hux biex isalva lil sħabu u jinjora lill-esperti u l-Partit Nazzjonalista; jew il-ħtiġijiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>