Niġerjan ta’ 40 sena ġie lliberat minn akkużi ta’ falsifikazzjoni ta’ dokument biex ikun jista’ jsiefer l-Italja fuq titjira lejn Bologna, u dan minħabba żball fid-data tal-akkużi, liema diskrepanza ta’ perjodu ta’ xahar ta’ meta seħħ l-allegat reat.
Okhiulu Esheimokhai Yakubu, residenti Buġibba, ġie akkużat li fl-20 ta’ Ottubru 2024 uża u kellu fil-pussess tiegħu dokument li kien se juża’ għall-vjaġġ tiegħu. Huwa ġie akkużat ukoll li kien konxju li d-dokument kien falsifikat, mibdul jew imbagħbas u li għamel użu minnu.
Ġie mixli wkoll li għamel dikjarazzjoni falza lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni u li sar reċediv wara li nstab ħati b’sentenza tal-Qrati ta’ Malta. Il-każ huwa relatat ma’ allegazzjoni li l-akkużat uża dokument Taljan falsifikat, li hija karta tal-identità.
L-akkużat kien twaqqaf mill-operaturi tal-ground handling ta’ AviaServe waqt li kien qed se jitla’ fuq it-titjira minn Malta għal Bologna fl-20 ta’ Novembru 2024. Xehed l-Ispettur tal-Pulizija Karl Roberts li mexxa l-investigazzjoni fejn ta ħarsa ġenerali ta’ x’ġara..
L-uffiċjal spjega li fl-20 ta’ Novembru 2024 ġie infurmat li l-akkużat l-ewwel kien ippreżenta dokument tal-ażil ġenwin wara li qalulu li dokument ma kienx tajjeb għal skopijiet ta’ vjaġġar u wara ppreżenta dokument falz fil-forma ta’ karta tal-identità.
Hu kien arrestat fl-ajruport u waqt interrogazzjoni ammetta li d-dokumenti kienu foloz u mhux ġenwini. L-espert maħtur mill-Qorti John Charles Ellul kkonferma li kien hemm falsifikazzjoni. Il-Qorti nnotat dak sottomess mid-difiża, li l-akkużi bil-lingwa Maltija kienu jgħidu li: ‘fl-20 ta’ Novembru, u jew fil-jiem, gimghat jew xhur ta’ qabel din id-data f’ dawn il-gzejjer….’
Filwaqt li l-akkużi bl-Ingliż jgħidu: ‘fl-20 ta’ Ottubru 2024 jew jiem qabel din id-data f’dawn il-gżejjer…..’ Għalhekk, jidher ċar li hemm diskrepanza fid-data tal-imsemmija akkużi. Bil-Malti fl-akkużi ma tissemmiex is-sena u bl-Ingliż għandhom data sħiħa, madankollu jirreferu għax-xahar ta’ Ottubru mhux ta’ Novembru.
L-evidenza kollha mressqa tirreferi għal fatti li allegatament seħħew fl-20 ta’ Novembru 2024. Il-Qorti qalet li tinnota wkoll li fl-ebda stadju matul il-proċeduri, inkluż wara s-sottomissjonijiet, ma kien hemm talba mill-prosekuzzjoni biex tirranġa l-akkużi ppreżentati.
Dan minkejja li l-Prosekuzzjoni għandha tali dritt u f’dan il-każ il-proċeduri ma kinux ikunu preġudikati fl kull mod bi preskrizzjoni Il-Maġistrat Monica Vella li semgħet il-każ ikkunsidrat l-fatt li l-prosekuzzjoni ma wrietx li l-fatti attribwiti lill-akkużat ġara fl-20 ta’ Ottubru 2024. L-istqarrija lill-pulizija mill-akkużat lanqas tkopri meta dawn id-dokumenti kienu fil-pussess tal-akkużat.
Peress li l-provi mressqa ma jirreferux għall-20 Ottubru 2024, iżda jirreferu għall-20 ta’ Novembru 2024, allura l-qorti qorti qalet li m’għandhiex għażla oħra ħlief li teħles lill-akkużat. L-Avukat Edmond Cuschieri deher għan-Niġerjan.
//= $special ?>