Lokali

L-10 ta’ Frar pajjiżna jfakkar in-Nawfraġju ta’ San Pawl – Festa b’timbru nazzjonali

Fl-10 ta’ Frar pajjiżna jfakkar in-Nawfraġju ta’ San Pawl; ċelebrazzjoni li għandha timbru nazzjonali, għaliex kienet din il-ġrajja tan-nawfraġju li mmarkat l-istorja ta’ nazzjon sħiħ.

It-Tnejn filgħodu, fil-Kolleġjata ta’ San Pawl Nawfraġu fil-Belt Valletta saret quddiesa tal-Paniġierku Solenni mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Monsinjur Scicluna, wara li nqrat l-istorja sostna li f’jum bħal dan inkunu qed niċċelebraw xi ħaġa li qiegħda fl-iskrittura u li ġrat fostna. U din turi t-tama ta’ Alla li permezz ta’ Pawlu wassal il-fidi anke fi gżiritna.

L-Arċisqof semma kif it-tama ta’ Pawlu hija dik t-tama li Alla jżomm kelmtu mal-poplu tiegħu Hu aċċena wkoll għal din is-sena tal-Ġublew fejn it-tama hija fiċ-ċentru ta’ din iċ-ċelebrazzjoni – tama li permezz ta’ San Pawl waslet anke f’Malta.

Preżenti waqt il-Pontifikat solenni kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-Pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Ritratti: Martin Agius