Il-Gvern għandu jassigura li persuni li għandhom il-kundizzjoni tal-epilessija f’pajjiżna jingħataw attenzjoni partikolari u kull għajnuna medika possibbli li teżisti.
Fil-Jum Internazzjonali tal-Epilessija, li din is-sena qed jiġi mfakkar madwar id-dinja kollha fl-10 ta’ Frar, il-Partit Nazzjonalista jsellem lil dawk kollha li jaħdmu ma’ dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni.
Dan intqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea.
L-epilessija hija kundizzjoni li taffettwa kif jaħdem il-moħħ u tista’ tikkawża aċċessjonijiet frekwenti. Madwar id-dinja hu stmat li hawn madwar 65 miljun persuna li għandhom din il-kundizzjoni, jiġifieri madwar 1% tal-popolazzjoni fid-dinja, inkluż f’Malta.
Waħda mill-ikbar sfidi għal persuni b’din il-kundizzjoni hi dik li tirriżulta mill-istigma li dawn il-persuni jridu jiffaċċjaw. L-isfida tal-istigma titlob li tiġi indirizzata permezz ta’ tagħrif u tagħlim dwar l-istess kundizzjoni. Irid jiġi aċċertat ukoll li l-pubbliku b’mod ġenerali jkun infurmat iżjed biex tintwera empatija lejn dawk li għandhom din il-kundizzjoni u l-membri tal-familji tagħhom.
L-investiment u l-istudju fil-mediċina u r-riċerka madwar id-dinja wasslu biex saru żviluppi mediċi kbar f’dan il-qasam. Fil-każ ta’ pajjiżna, irridu nassiguraw li dawk li għandhom din il-kundizzjoni jingħataw l-aqwa mediċini possibbli, bil-frekwenza meħtieġa u mingħajr ma jkun hemm sitwazzjonijiet fejn dawn il-mediċini jkunu out-of-stock. Kull mediċina ġdida li tkun żviluppata għandha tingħata lill-persuni li għandhom bżonn dan it-trattament, bħal pereżempju r-rescue medication. Il-Gvern irid jara wkoll li jkun hawn infermieri speċjalizzati fuq l-epilessija.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandhom jiddaħħlu fil-formularju dawk il-mediċini kollha li jkunu approvati mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA), u dan biex min għandu bżonn dawn il-mediċini jħossu kunfidenti biżżejjed biex jinqeda bil-mediċini li jingħataw mill-POYC, mingħajr ma jkollu l-ħtieġa li jonfoq flejjes kbar biex ikun jista’ jkollu l-kundizzjoni tiegħu kkontrollata bl-aħjar mod possibbli.
Il-Partit Nazzjonalista jħoss li hu d-dover tiegħu li jirringrazzja lil dawk l-organizzazzjonijiet kollha li jagħtu s-sehem tagħhom għall-ġid tal-persuni konċernati. Fuq quddiem nett hemm il-Caritas Malta Epilepsy Association, kif ukoll dawk li jaħdmu f’dan is-settur. Bħala pajjiż, irridu nibqgħu nagħmlu l-investiment neċessarju biex kemm jista’ jkun persuni b’din il-kundizzjoni jibqgħu, jew jibdew jgħixu ħajja ta’ kwalità, iktar indipendenti u bla perikli żejda.
//= $special ?>