Pulizija ta’ 22 sena ġie mmultat €3,000 wara li nstab ħati li daħal fis-sistema tal-Korp biex ifittex dwar rapport li sar fuqu minn missieru u s-sieħba ta’ missieru dwar vjolenza domestika. Il-Qorti fis-sentenza tagħha ordnat li Isem il-ħati ma jixxandarx biex tiġi protetta l-identità tal-koppja.
Huwa ma nstabx ħati ta’ vjolenza domestika peress li missieru u s-sieħba tiegħu waqqgħu l-każ, iżda nstab ħati li uża s-sistema tal-korp biex jieħu xi benefiċċju. Il-pulizija kien qed jiġi nvestigat dwar allegatat każ li seħħ bejn l-1 u t-2 ta’ Ġunju 2023, fid-dar fil-Mosta fejn jgħix ma’ missieru u s-sieħba ta’ missieru, fejn kien qed jiġi mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief lit-tnejn li huma.
Huwa kien mixli wkoll li heddidhom, li minn għassa tal-Pulizja uża apparat ta’ komunikazzjoni b’mod mhux xieraq u li bħala uffiċjal pubbliku wettaq reat li kellu d-dmir li jara li dan ma jseħħx. Il-Pulizija bdiet tinvestiga lill-uffiċjal tagħha wara rapport li daħlilha minn missieru fuq argument li kellhom wara li l-akkużat sab il-kelba maqfula f’kamra tad-dar.
Il-missier irrapporta li din ma kinitx l-ewwel darba li nqalgħu argumenti bejn u bejn ibnu għalkemm sostna li dawn kienu każijiet iżolati. Waqt li kien qed jiġi interrogat, il-Pulizija ċaħad li refa’ jdejh fuq missieru.
Il-Maġistrat Abigail Critien, semgħet lil missier l-akkużat u s-sieħba tiegħu għażlu li ma jixhidx biex hekk jaqgħu l-akkużi dwar il-ġrieħi u t-theddid li allegatament sar fil-konfront tagħhom l-akkużat. Fl-istess waqt ix-xhieda ta’ pulizija dwar l-aċċess fis-sistema mill-akkużat b’rabta mar-rapport wasslu lill-Maġistrat Critien biex issibu ħati.
Meta ġiex biex tagħti l-piena l-Maġistrat Critien irrimarkat li r-reati li tagħhom instab ħati l-pulizija kienu serji imma żiedet li kellu kondotta netta u qalet li piena ta’ priġunerija, anke jekk sospiża, kienet tkun waħda drakonjana fiċ-ċirkostanzi tal-każ.
Kien għalhekk li mmultatu €3,000 madankollu ma laqgħetx it-talba tal-prosekuzzjoni biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur missieru u s-sieħba ta’ missieru peress li dawn waqqgħu l-akkużi relatati magħhom. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef waqt li l-pulizija kellu jiddefendih lill-Avukat Alfred Abela.
//= $special ?>