Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €4,000 wara li għamel ħerba f’lukanda wara ġlieda mat-tfajla

Belġjan ta’ 27 sena ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba snin u mmultat €4,000 wara li ammetat għamel ħerba f’lukanda wara ġlieda mat-tfajla tiegħu. Nicolas Vervueren tressaq il-Qorti wara li s-Sibt li għadda għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, kellu argument mat-tfajla tiegħu f’waħda mill-kmamar tal-lukanda, fejn kien alloġġat u għamel xi ħsarat.

Il-prosekuzzjoni qalet li koppja Maltija li kienet f’waħda mill-kmamar viċin, semgħet l-għajjat, u kif raw lit-tfajla tal-imputat ħierġa mill-kamra viżibilment inkwetata u dawn offrewlha l-għajnuna. Ħareġ ukoll li Vervueren, spiċċa fi ġlieda mar-raġel li ħareġ biex jgħin.

Irriżulta li fil-kamra l-imputat għamel ħsara lit-television, bil-Qorti tiġi nfurmata li t-tfajla ħalset €600 għall-ħsara. Għamel ukoll ħsara fil-bibien meta beda jagħti fuqhom, li tammonta għal madwar €2,000. Fil-Qorti, l-Belġjan ġie akkużat li attakka u għamel reżistenza fuq żewġ uffiċjali tal-Pulizija meta waslu biex jintervjenu.

Hi ġie mixli wkoll li inġurjahom u heddidhom, li kkaġuna feriti ħfief lir-raġel li ta l-għajnuna, li għamel ħsara għad-dannu tas-sidien tal-lukanda, li kiser il-paċi pubblika u li naqas milli jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija.

L-imputat wieġeb ħati għal dawn l-akkużi bil-Maġistrat Jean Paul Grech jimmultah €4,000, flimkien ma’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin u ordnalu jħallas ukoll €2,100 fi żmien sitt xhur fi ħsarat lil-lukanda.