Għawdex Lokali

Attività għall-familja kollha fit-Torri ta’ Sopu n-Nadur

Nhar is-Sibt 16 ta’ Marzu bejn l-10am u nofsinhar residenti u viżitaturi huma mistiedna sabiex iqattgħu ftit ħin fit-torri storiku Ta’ Sopu fil-periferija tan-Nadur – attività b’xejn mtella’ mill-Kunsill Lokali tan-Nadur b’kollaborazzjoni ma’ Din l-Art Ħelwa u Nature Trust -FEE Malta.

Wieħed jista’ jingħaqad ma’ tour edukattiv, immexxi minn Din l-Art Ħelwa fejn qed jiġu offruti żewġ tours, wieħed minnhom jibda’ fl-10am u ieħor fl-10:30am.

Ser jiġi offrut ukoll tour bil-mixi ggwidat ta’ madwar kilometru mmexxi minn Nature Trust fejn wieħed għandu l-opportunità li jitgħallem dwar il-flora u l-fawna tal-gżira Għawdxija. It-tour jitlaq fil-11am minn fejn it-torri.

L-organizzaturi jirrakomandaw li wieħed jilbes żarbun adattat, jieħu miegħu ilma kif ukoll torċ sabiex wieħed ikun jista’ jesplora t-torri b’mod sħiħ.

Tfal taħt 15-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult.

Din l-attività hija bla ħlas però donazzjoni ta’ 5 ewro lil Din l-Art Ħelwa jew lil Nature Trust hi rakkomondata.