Knisja Lokali

Ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Morda fil-Bażilika ta’ Raħal Ġdid

Il-Knisja Kattolika qed tiċċelebra s-Sena tal-Ġublew, sena msejħa għall-konverżjoni u l-maħfra.

It-tema tal-Ġublew ta’ din is-sena hija l-Pellegrini ta’ Tama, li biha l-Papa Franġisku ried jenfasizza t-tama meħtieġa għal dinja li qed tesperjenza l-konsegwenzi tal-gwerra, il-kriżi tal-klima, kif ukoll l-effetti mill-pandemija tal-COVID.

Iċ-ċelebrazzjoni li saret it-Tlieta filgħodu fil-Bażilika ta’ Raħal Ġdid tifforma parti minn sensiela ta’ ċerimonji li qed isiru matul is-sena, b’din iċ-ċelebrazzjoni tkun iddedikata lill-morda, lill-dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jgħinu lill-morda, kif ukoll lill-voluntieri li kull sajf jitilgħu għal pellegrinaġġi f’Lourdes mal-morda, ma’ l-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes.

Waqt l-omelija, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi semma kif it-tama hija importanti mmens fit-tiġrib, hekk kif ittina s-saħħa nkomplu mexjin ‘il quddiem. Sostna li l-Mulej juri mħabba speċjali lejn il-morda, hekk kif hu qatt mhu se jabbandunhom, iżda joffrilhom it-tama u s-salvazzjoni.

U anke jekk il-morda jħossuhom minsijin, il-Mulej qiegħed magħhom f’kull mument, għax il-Mulej qatt ma jaħrab mit-tbatija.

L-Isqof Galea Curmi rringrazzja lil dawk kollha li b’kwalunkwe mod jieħdu ħsieb lill-morda, u fakkarhom li huma qed jagħmlu xogħol qaddis flimkien mal-Mulej.

Hu temm l-omelija billi għamel appell sabiex ngħozzu l-ħajja u nagħmlu minn kollox biex ntaffu t-tbatija fil-ħajja, mingħajr ma ntemmuha.

L-attivita li jmiss tal-Ġublew f’Malta se ssir fil-5 ta’ Marzu, propju f’Jum Ras ir-Randan, fejn se ssir mixja komunitarja mill-Knisja ta’ Ħal Safi sal-Knisja taż-Żurrieq.