Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament li bil-liġi li dwar l-inkjesti l-gvern irid jaħbi l-verità u jmur kontra d-drittijiet taċ-ċittadin.
Meta kien qed jitkellem fil-parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Prim Ministru kkonferma kemm il-gvern m’għandux raġunijiet validi biex iressaq din il-liġi u sostna li fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru attakka biss lin-nies.
Fl-istess nifs il-Prim Ministru qal li jrid pajjiż mibni fuq l-imħabba, sostna Bernard Grech, li qal li l-Prim Ministru jattakka lil dawk li ma jbaxxux rashom quddiemhom, lil dawk li ma jirnexxilhomx jixtrihom u ma jirnexxilhomx jirrikatthom.
Il-Prim Ministru beka l-biki tal-kukkudrilli fuq il-ħsara u l-kattiveriji ta’ min irid jitfa’ n-nies il-ħabs, sostna Benard Grech, li qal li l-PN għadu qed jistenna apoloġija dwar dak li saru fuq l-ex Ministru Giovanna Debono u l-familja tagħha. Bernard Grech qal li propju dak il-ħin stess fil-parlament, il-Prim Ministru daħak b’dak li għamlu fuq Giovanna Debono.
Bernard Grech qal li l-Prim Ministru għandu l-faħam miblul u sostna li l-ġudikanti kienu attakkati mill-Prim Ministru propju għaliex ma baxxewx rashom għal Robert Abela. Hu kompla li l-PN għandu l-fiduċja fil-ġudikanti iżda Robert Abela jiddemonizza lil dawk kollha li jabqlux miegħu kif għamel lill-ex Prim Imħallef Silvio Camilleri. F’dan il-mument il-Prim Ministru reġa’ daħak bis-sitwazzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-poplu hu mdejjaq b’dak li qed jagħmel il-gvern; għaliex il-Gvern jagħmel l-oppost ta’ dak li jgħid. Il-gvern se jċaħħad id-drittijiet li ċ-ċittadin Malti għandu llum, sostna Bernard Grech, li l-Prim Ministru jrid jagħmilha diffiċli għal ċittadin li jitlob inkjesta maġisterjali.
Il-Prim Ministru qed iwerwer lil min irid jiftaħ inkjesta maġisterjali billi jekk din ma tagħtix riżultati għax forsi l-aqwa prova ma tinstabx, allura ċ-ċittadin ikollu jħallas €11-il miljun. Dan sar biex il-Prim Ministru jbeżża u jwerwer liċ-ċittadini, sostna Bernard Gerch, li qal li l-proċeduri jittawlu għax per eżempju ma jingħatgħux il-passwords tal-mobiles. Din il-liġi turi li l-gvern m’għadux il-fiduċja fil-maġistratura u l-ġudikatura u tneħħilhom id-drittijiet biex jiftħu inkjesti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din is-saħħa l-Prim Ministru jrid itiha lill-Kummissarju tal-Pulizija, li jaħdem fuq struzzjonijiet tiegħu. Il-Kummissarju tal-Pulizija ammetta li m’għamel ebda investigazzjoni indipendenti fuq Vitals u ried joqgħod biss fuq dak li tordnalu l-maġistrat. Dakinhar, b’dan id-diskors, il-Kummissarju tal-Pulizija, kien irrikonoxxa d-dritt tal-maġistrati li jinvestigaw.
Bernard Gerch fakkar kif il-Prim Minisru attakka lil diversi maġistrati fosthom dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Il-gvern irid ineħħi d-drittijiet taċ-ċittadin u l-PN jżid id-drittijiet taċ-ċittadin; Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħti lura dawn id-drittijiet.
Il-gvern irid jgħaddi din il-liġi biex iċ-ċittadin ma jkunx jista’ jitlob investigazzjoni fl-operat tal-gvern jew tal-Prim Minisru stess. Dan hu Prim Ministru li hu kkonċentrat fih innifsu u li jmexxi bi kriżi.
Il-Prim Ministru ma jindirizzax il-problemi tan-nies, fosthom l-għoli tal-ħajja anki minkejja li l-PN qed jipproponi s-soluzzjonijiet; liema soluzzjonijiet il-gvern ma joħodhomx. Minkejja dan, l-imsieħba soċjali kollha qed jaqblu mal-PN dwar dawn is-soluzzjonijiet. Għalhekk nhar il-Ħamis il-parlament se jiddiskuti l-għoli tal-ħajja fuq mozzjoni tal-PN.
Bernard Grech qal li l-Prim Ministru qed jibgħat messaġġ li hu biss jaf u hu biss għandu raġun. Hu semma’ li l-Prim Ministru attakka lill-ex Prim Imħallef Silvio Camilleri, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tal-Avukati, Graffitti u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem li ma qablux miegħu dwar din il-liġi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li hemm problemi kbar fl-Isptar Mater Dei fejn il-pubbliku mhux jingħata servizz. L-intenzjoni tal-gvern hi biss li l-verità ma tkunx magħrufa. Min se jħallas l-€400 miljun li nsterqu lill-poplu Malti? staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni, li ffoka fuq il-proposti tal-PN dwar il-kwalità tal-ħajja.
Bid-diskors tiegħu meta ddikjara li hu jaf min hu ħati u min le, il-Prim Ministru llum wera li m’għandux fiduċja fil-liġijiet, sostna Bernard Grech, li kompla li l-Prim Ministru semma’ lil Chris Fearne, li Rapa, lil Mizzi u qallhom li huma innoċenti iżda ma semmiex lil Joseph Muscat. Kuntrarjament għall-Prim Ministru, il-PN jemmen fil-qrati li jridu jkunu huma li jinvestigaw u jsibu l-verita; liema verità se teħles lill-poplu mill-gvern Laburista korrott li seraq lill-poplu Malti u Għawdxi, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
//= $special ?>