Din is-sena l-Knisja qed tiċċelebra l-Ġublew tat-Tama u f’din l-okkażjoni kif ukoll għall-bidu tar-Randan Imqaddes, f’Għawdex ser jittieħed il-Kurċifiss Mirakoluż magħruf bħala “Ta’ Ġieżu”. Dan huwa meqjum fil-Knisja Franġiskana ta’ Santa Marija ta’ Ġesu fil-Belt Valletta.
Il-Kurċifiss se jkun fil-gżira ta’ Għawdex bejn il-Ġimgħa 7 u l-Ħadd 9 ta’ Marzu. Dan ser ikun espost għall-qima fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani f’Għajnsielem, fejn għall-ewwel lejl il-knisja ser tibqa’ miftuħa.
Il-Ħadd 9 ta’ Marzu, l-ewwel Ħadd tar-Randan, fl-4pm, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma se jmexxi Pellegrinaġġ bix-xbieha tal-Kurċifiss Mirakoluż, mill-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova għal quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Madonna ta’ Loretu, f’Għajnsielem li għalih il-poplu kollu ta’ Alla huwa mistieden.
Ix-xbieha tal-kurċifiss mirakoluż inħadment fis-seklu 17 u hi attribwita lill-artist Spanjol Frate Innocenzo di Petralia u hija waħda mill-aktar xbihat meqjuma u devoti tal-Kurċifiss li nsibu fil-gżejjer tagħna.
Din mhijiex l-ewwel darba li l-Kurċifiss Ta’ Ġieżu se jittieħed f’Għawdex. Fiż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-Kurċifiss kien twassal fl-istess Knisja biex jiġi mħares minn kull periklu tal-ħbit frekwenti tal-għadu. Din kienet l-ewwel u l-unika darba li nħareġ mill-Knisja tal-Belt fejn kien ilu għall-qima sa mill-1648.
//= $special ?>