“Il-Labour moħħu biss fil-problemi tiegħu nnifsu, aħna moħħna biss fik.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ fid-Dar Ċentrali.
Bernard Grech qal li bejn iż-żewġ partiti ewlenin ta’ pajjiżna hemm differenza kbira u ċara. Fil-jiem li ġejjin, fil-Parlament se jsiru diskussjonijiet fuq żewġ mozzjonijiet, waħda imressqa minn Robert Abela u l-oħra minn Bernard Grech. Diskussjonijiet b’differenza kbira bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Illum se ssir diskussjoni dwar mozzjoni li ressaq Robert Abela biex jipproteġi lilu nnifsu. Liġi li se twassal biex tnaqqis id-drittijiet taċ-ċittadini. Minn naħa l-oħra, il-mozzjoni tal-Ħamis se tiddiskuti liġi li permezz tagħha se jiġi indirizzat dak li verament qed jaffetwa lin-nies – l-għoli tal-ħajja.
Bernard Grech fakkar ukoll kif il-Gvern ta’ Robert Abela ġab lil pajjiżi oħra jarawna bħala pajjiż dejjem iktar mifni fil-korruzzjoni. Tant, li minflok qiegħed jidher iktar attraenti għan-negozji biex jinvesti bi flus nodfa, ir-reputazzjoni tagħna qed tidher iktar imtappna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal kif l-għoli tal-ħajja qed iġibha b’idejh il-Labour u issa qed jagħżel li jinjora l-konsegwenzi tagħha.
Il-politika li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista bħala parti mid-direzzjoni ekonomika tal-pajjiż jinkludu t-tneħħija tat-taxxa għall-ħaddiema u pensjonanti fuq kull żieda li tingħata fil-pagi u l-pensjonijiet għall-għoli tal-ħajja, u allowances ġodda għall-pensjonanti biex anki min ma jħallasx taxxa jgawdi minn dħul finanzjarju aħjar. Inklużi wkoll tax credits għal min iħaddem fuq kull żieda li jagħti lill-ħaddiema, u l-ħolqien ta’ fond nazzjonali biex jagħti appoġġ finanzjarju lill-operaturi Maltin li jimpurtaw u jesportaw biex jitnaqqsu l-ispejjeż li qed iwasslu għall-għoli tal-ħajja.
//= $special ?>