Lokali

Il-Pulizija ma jafu xejn dwar ir-rapporti li qed jindikaw li l-inċident fatali f’Ħal Luqa seħħ wara tellieqa bejn tliet vetturi

Fl-aħħar minuti ħarġu diversi rapporti konflinġenti dwar l-inċident li seħħ f’Ħal Luqa. Tal-One l-ewwel qalu li kien hemm karozzi oħra involuti – imbgħad qalu li baqgħu sejrin – imbgħad biddlu r-rapport, u qalu li waqfu jassistu.

Dan hekk kif jidher li jeżistu filmati li juru kif il-karozza ta’ Christ Gatt kienet qed tinstaq f’tellieqa ma’ xi vetturi oħrajn, u li dawk involuti kienu jafu lil xulxin. Iżda kelliem għall-Pulizija qal lil Net News li m’għandhomx din l-informazzjoni, u li ma jafx minn fejn inġiebet tali informazzjoni.

Ħbieb ta’ Gatt qalulna li jinsabu diżgustati kif fil-media qed joħorġu rapporti li għadhom mhux konfermati mill-Pulizija, u li qed iħallu tinxtered din l-informazzjoni konfuża.

Ir-rapporti qed jgħidu li hemm filmat illi juri kif fil-ħin tal-inċident il-vittma kien qed ittellaq ma’ żewġ vetturi oħra, bil-konsegwenza li tilef il-kontroll tal-karozza u miet fil-post.

Il-persuni li kienu fil-karozzi kienu allegatament jafu lil xulxin u mal-mument li seħħet il-ħabta ċemplu għall-għajnuna.