Albaniż ta’ 40 sena ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li wieġeb ħati li weġġa’ ħafif lill-eks sieħba tiegħu. Ir-raġel tressaq il-Qorti t-Tlieta fejn ġie mixli wkoll li kkaġunaha lill-vittma li tibża’ mill-vjolenza,li heddidha u kiser il-paċi pubblika.
L-Ispettur Christian Cauchi spjega li t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika issejħet biex tassisti wara li mara ġiet eskortata mill-għassa ta’ Birżebbuġa għall-Isptar Mater Dei wara ġlieda mal-eks sieħba tagħha. Il-koppja kienet ilha sentejn f’relazzjoni li ntemmet f’Jannar.
Il-Qorti semgħet li fid-9 ta’ Frar, ir-raġel mar fir-residenza tal-mara fiż-Żurrieq u qalilha li kellu provi li kienet qed titkellem ma’ rġiel oħra. Huwa qalilha biex takkumpanjah ġewwa Buġibba biex juriha l-evidenza li kellu.
Il-mara aċċettat li tmur u daħlet fil-vettura tiegħu. Ir-raġel beda jsuq u mar Wied iż-Żurrieq. Huwa waqqaf il-karozza, beda joffendiha u heddidha li se joqtolha. Staqsieha min kienu l-irġiel li kienet qed titkellem magħhom qabel ma beda jagħtiha fuq rasha u f’wiċċha u spiċċat biex infarġet.
Imbagħad saq għal Ħal Far fejn waqaf jagħmel l-awrina. Il-mara qalet lill-pulizija li kienet tibża’ li taħrab mill-karozza meta kienu f’Ħal Far għax beżgħet li jaqbadha u l-affarijiet imorru għall-agħar. Hija allegat ukoll li qabadha minn għonqha.
Ir-raġel imbagħad saq lejn Birżebbuġa fejn mar jixtri s-sigaretti. Din id-darba l-mara ħarbet u ġriet lejn l-għassa tal-pulizija. L-allegata vittma kisbet 19-il punt fit-test tal-valutazzjoni tar-riskju li kklassifika l-każ tagħha bħala f’periklu estrem.
Ir-raġel Albaniż, mingħajr indirizz fiss, wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti wissietu li l-akkużi jistgħu jirriżultaw fi priġunerija effettiva u tatu żmien biex jerġa’ jaħsibha fuq l-ammissjoni tiegħu. L-akkużat ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jammetti.
Meta għamel sottomissjonijiet dwar il-piena, l-ispettur Cauchi qal li r-raġel għandu kondotta nadifa u talab sentenza sospiża li tmur lejn il-minimu u ordni ta’ trażżin. L-avukat tal-għajnuna legali Yanica Barbara Sant talbet ukoll piena minima iżda żiedet tgħid li filwaqt li l-akkużat ma kellu l-ebda intenzjoni li jikkuntattja lil mara, ir-raġel jaħdem f’barriera qrib ir-residenza tal-mara.
Il-Qorti tat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tlieta. L-Ispettur Colin Sheldon kien ukoll parti mill-prosekuzzjoni. Il-Qorti kienet ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo.
//= $special ?>