Lokali Qorti

L-MFSA kisret regolamenti tal-protezzjoni tad-data ta’ żewġ sidien li jagħtu servizzi ta’ konsulenza

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li l-MFSA kisret ir-regolamenti tal-protezzjoni tad-data ta’ Karl Schranz u Christiann Ellul ta’ E&S Consultancy. Is-sentenza kient ikkonfermata mill-Qorti preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff fejn żewġ appelli milll-MFSA u l-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data kienu miċħuda. Ellul u Schranz, li huma sħab fin-negozju huma s-sidien tad-ditta ta’ servizzi ta’ konsulenza E&S Consultancy Ltd,

Is-sentenzi jirrigwardaw kawża tat-tribunal tal-appelli tal-protezzjoni tad-data fejn Christian Ellul u Karl Schranz, ta’ E&S Consultancy, kienu inizjalment ressqu ilment quddiem il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data għal ksur ta’ data mill-MFSA dwar deċiżjoni kunfidenzjali meħuda mill-awtorità.

Kienet ittieħdet deċiżjoni kontra E&S Consultancy, Karl Schranz u Christian Ellul, liema deċiżjoni kienet strettament kunfidenzjali f’dak l-istadju, madankollu dik l-istess deċiżjoni kienet ippubblikata minn terza persuna (fis-sit www.offshorealert.com) qabel ma d-deċiżjoni kienet saħansitra kkomunikata lill-persuni kkonċernati (jiġifieri Christian Ellul u Karl Schranz) jew ippubblikata uffiċjalment mill-MFSA.

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data ma sab l-ebda ksur permezz tal-investigazzjoni tiegħu u dan ġie kkontestat minn Karl Schranz u Christian Ellul quddiem it-Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni tad-Data.

It-Tribunal, permezz ta’ diversi seduti u wara rapport minn espert Forensiku Diġitali (li l-ħatra tiegħu ġiet miftiehma bejn il-partijiet) li wettaq analiżi tal-artiklu u tal-websajt offshorealert, u kkonkluda li l-artiklu kien tabilħaqq ippubblikat fuq dan is-sit minn terza persuna li ma suppost kellha aċċess għal tali informazzjoni qabel id-deċiżjoni proprja tal-MFSA u kienet saħansitra kkomunikata u ppubblikata uffiċjalment fuq il-websajt tal-MFSA.

It-Tribunal għalhekk ikkonkluda li s-sit offshorealert ippubblika data personali u kunfidenzjali qabel saħansitra ġie ppubblikat uffiċjalment mill-MFSA u għalhekk l-MFSA hija responsabbli għall-iżvelar tiegħu. L-espert kien ikkonkluda wkoll li permezz ta’ analiżi forensika tal-websajt offshorealert, kien jidher li xi ħadd b’aċċess għall-websajt kien bidel ċerti karatteristiċi tas-sit, bħall-isem tal-link, li wera l-intenzjoni vera wara din il-bidla sussegwenti.

L-MFSA ressqet appell fuq din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Appell, u l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data wkoll appella mill-istess deċiżjoni. Schranz u Ellul it-tnejn ippreżentaw ir-risposta tagħhom għall-appell u sostnew li d-deċiżjoni tat-Tribunal hija ġusta, legalment korretta, debitament motivata, ġusta u għalhekk jistħoqqilha konferma minn din il-Qorti.

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data sostna li d-deċiżjoni għandha tiġi miċħuda minħabba li t-Tribunal ma osservax il-parametri tal-ilment oriġinali u mar barra mill-kompetenza tiegħu. L-MFSA, filwaqt li qablet mal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data sostniet ukoll li r-rwol tat-tribunal huwa wieħed amministrattiv u għalhekk mar lil hinn mill-kompetenza tiegħu.

Barra minn hekk jekk il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data qal li ma kienx hemm ksur, it-Tribunal ma kellu ebda dritt li jkompli bil-kważi-investigazzjoni tiegħu stess u kull ħaġa deċiża minn hemm għandha titqies extra-petita (differenti minn dak li kienet talbet il-parti) u barra minn hekk hija wkoll ultra-vires (isir lil hinn mis-setgħa jew l-awtorità legali tiegħu) u barra minn hekk kien hemm ukoll żball manifest ta’ konklużjoni.

Schranz u Ellul sostnew li l-appellanti (MFSA u Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data) huma żbaljati fis-sottomissjonijiet tagħhom fuq diversi aspetti. Illi t-Tribunal kien korrett fil-ħatra ta’ espert u li l-konklużjonijiet tal-espert huma korretti u kemm it-Tribunal kif ukoll l-Espert aġixxew fil-kompetenza tagħhom kif previst mil-liġi.

Huma sostnew ukoll li l-investigazzjoni li saret kienet waħda li fil-fatt kellha ssir mill-Kummissarju fl-ewwel lok aktar milli mill-Kummissarju jistrieħu biss fuq ir-risposti mogħtija mis-sid tas-sit www.offshorealert.com, peress li hemm kunflitt ċar u interess personali fir-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Kummissarju.

Barra minn hekk sostnew li l-appell imressaq mill-MFSA ma ġiex ippreżentat fiż-żmien impost mil-liġi u għalhekk kien fuori termine (barra mill-ħin). Fil-qorti tal-appell, il-qorti ma laqgħetx l-argumenti mqajma mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u lanqas mill-MFSA u kkonfermat id-deċiżjoni tat-Tribunal li tiddikjara l-iżvelar mill-MFSA kontra Ellul u Schranz fl-intier tagħha. Illi kemm it-Tribunal kif ukoll l-Espert aġixxew fil-kompetenza tagħhom.

Illi minkejja li l-artiklu oriġinali jidher li kien ‘imħassar’ jew ma setax jinstab fuq is-sit, l-espert kien korrett meta għamel aktar investigazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar wasslu għall-artiklu oriġinali u meta dan fil-fatt tpoġġa fuq is-sit (jiġifieri qabel id-deċiżjoni kontra Ellul u Schranz kienet saħansitra ġiet ikkomunikata lilhom u ħafna qabel ma ġiet ippubblikata uffiċjalment mill-MFSA).

Il-Qorti sostniet ukoll li tistenna li l-analiżi mwettqa mill-espert kellha tabilħaqq issir mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data stess minn qabel minflok ma tibbaża ruħha biss fuq dikjarazzjonijiet ta’ terzi. Il-Qorti sostniet ukoll li wara dan l-ilment dwar il-protezzjoni tad-data u wara l-komunikazzjoni mill-Kummissarju mas-sid tal-websajt, tali sid imbagħad ikun konxju sew ta’ dan l-ilment u kien ikollu l-libertà u l-flessibbiltà kollha li jibdel u jemenda l-artikolu oriġinali li dwaru l-ilment kien jidher, li fil-fatt jidher li kien il-każ hawnhekk.

Dan kien għalhekk ir-raġunament tat-Tribunal u għalhekk id-deċiżjoni tat-Tribunal hija korretta, u fil-fatt ġusta fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Il-qorti ċaħdet l-appell tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u kkonfermat id-deċiżjoni tat-Tribunal fl-intier tagħha, bi spejjeż kontra l-Kummissarju.

Fir-rigward tal-appell tal-MFSA, japplikaw l-istess fatti u raġunijiet enfasizzati hawn fuq, madankollu f’dan l-appell Schranz u Ellul qajmu l-eċċezzjoni li l-appell mill-MFSA ġie ppreżentat ‘fuori termine’ u għalhekk għandu jiġi ddikjarat null u bla effett.

Il-qorti kompliet tanalizza dan l-aggravju l-ewwel u wara li evalwat l-artikoli rispettivi tal-liġi li jappartjenu għat-termini ta’ appell minn deċiżjoni tat-Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni tad-Data, sabet li l-appell kien tabilħaqq ippreżentat lil hinn mit-terminu stabbilit u għalhekk l-appell kellu jiġi ddikjarat null u ma kienx se jieħu aktar għarfien tiegħu. Spejjeż ukoll kontra l-Awtorità MFSA. Ellul u Schranz kienu rappreżentati mill-Avujatu Jacob Daniel Portelli, Vincent Micallef u Stephanie Abela.