Lokali

Ma jiskużawx ruħhom għall-falliment fit-test tal-korruzzjoni

L-aħbar li Malta niżlet għaxar postijiet fl-Indiċi tal-Korruzzjoni tfisser li Robert Abela weħel mill-eżami tal-governanza tajba. Iżda, membri Laburisti tant kemm ma jafux x’se jaqbdu jwieġbu għal dan in-nuqqas serju ta’ Robert Abela, li spiċċaw iwaħħlu fil-Partit Nazzjonalista.

Dan meta l-Gvern Laburista ilu 12-il sena fit-tmexxija ta’ pajjiżna u b’hekk dan in-nuqqas ħadd iżjed mill-Partit Laburista ma jista’ jwieġeb għalih.

Madanakollu, la l-President tal-Partit Laburista, Alex Sciberras u lanqas il-Kap Eżekuttiv tal-istess partit, Leonid McKay ma kienu kapaċi mqar jagħmlu aploġija għal dan ir-riżultat.

Sciberras u McKay ġew mistoqsija minn dan l-istazzjon iktar minn darba dwar din il-kwistjoni, b’McKay iżomm skiet perfett tant li ma lissinx imqar kelma waħda.

Taħt Robert Abela pajjiżna mhux biss niżel fil-65 post imma għall-ewwel darba ġab inqas minn 50 punt. Dan ir-riżultat medjokri jikkonferma li Robert Abela qed iżomm mal-patt imxajtan li għamel ma’ eks Prim Ministru li kien iddikjarat bħala l-Korrott tas-Sena.