Issa huwa ċar aktar minn qatt qabel – il-korruzzjoni f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin kompliet tiżdied.
U din il-korruzzjoni waslet biex issa pajjiżna kiseb riżultati umiljanti u fost l-agħar minn madwar id-dinja kollha.
Dan hekk kif il-Gvern niżżel lil Malta 10 postijiet, biex ninsabu fil-65 post fl-Indiċi tat-Trasparenza Internazzjonali dwar il-Korruzzjoni.
Skont dan l-Indiċi, is-sena l-oħra spiċċajna bi skor ta’ 46 minn mija, bir-rapport isemmi fost l-oħrajn id-deal frawdalenti tal-isptarijiet bħala l-iktar kwistjoni xokkanti għall-pajjiż.
Dan ifisser li Malta tinsab fl-istess post bħall-Kuwait, il-Montenegro, u r-Rumanija, bl-unika żewġ pajjiżi Ewropej li ġew klassifikati agħar minn Malta jkunu l-Bulgarija u l-Ungerija – li hu l-iktar pajjiż korrot.
Dan l-indiċi jkejjel il-perċezzjoni tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku f’180 pajjiż madwar id-dinja, u fost l-oħrajn ikejjel it-tixħim u anka l-konnessjonijiet li l-politiċi jużaw biex jirbħu xi kuntratti.
Dan l-indiċi ma jkejjilx il-ħasil tal-flus u lanqas l-irwol tas-settur privat biex jiffaċilita l-korruzzjoni. Madanakollu, l-Indiċi Internazzjonali tat-Trasparenza dwar il-Korruzzjoni wera li kien hemm korruzzjoni sistematika f’bosta pajjiżi, flimkien ma’ nuqqas ta’ infurzar u lakuni fis-sistema legali.
Interessanti l-fatt però li dan ir-rapport iddiskriva is-saltna tad-dritt f’Malta bħala waħda fi stat ta’ degredazzjoni; u tefa’ dawl fuq l-akkużi kriminali li qiegħed jiffaċċja l-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar id-deal frawdalenti tal-isptarijiet.
Dan l-Indiċi jindika kif l-ogħla uffiċjali ta’ Malta abbużaw mill-poter tagħhom biex jibbenefikaw huma personalment, u għalhekk poġġew is-saħħa tal-pubbliku f’riskju. Bir-rapport stess ifakkar kif Muscat flimkien ma’ numru ta’ eks ministri u uffiċjali bħalissa qed jiffaċċjaw akkużi kriminali relatati ma’ korruzzjoni.
Itqal ukoll illi dan id-deal sewwa lill-poplu tal-inqas 355 miljun li inatgħu lil Vitals Global Healthcare, kumpanija li ma kellha l-ebda esperjenza fis-settur tas-saħħa.
//= $special ?>