Lokali Qorti

Raġel mfittex mill-Pulizija li spiċċa arrestat akkużat b’serq u vjolenza domestika fost oħrajn

Raġel li kien qed jiġi mfittex mill-pulizija l-ġimgħa li għaddiet, tressaq il-Qorti t-Tlieta fuq serq u vjolenza domestika. Huwa ġie arrestat wara li l-pulizija ġew infurmati li nhar it-Tnejn f’Jum San Pawl – kien fil-każin tal-banda ta’ San Ġiljan.

Llewwlyn Xerri ta’ 29 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo u ġie mixli li seraq flus kontanti mingħand kollega f’San Ġiljan, aggredixxa u weġġa’ ħafif lill-eks sieħba tiegħu, li kkaġunalha biża’ minnu u kiser ordni ta’ protezzjoni.

Il-Maġistrat Elaine Rizzo semgħet kif, fis-27 ta’ Jannar, il-pulizija ta’ San Ġiljan irċeviet rapport mingħand impjegat f’Manouche li sostna li, jumejn qabel, kienu nsterqu flus kontanti mill-haversack tiegħu fuq ix-xogħol.

Filmati CCTV juru lil Xcerri jiftaħ il-borża u jeħodha. Huwa ġie rrappurtat lill-pulizija. L-eks sieħba tiegħu ressqet rapport separat tal-pulizija fejn sostniet li kien aggrediha u darabha u kiser ordni ta’ protezzjoni. Inizjalment il-pulizija ma setgħetx issibu u ħarġet avviż fejn ħeġġet lill-pubbliku biex jirrapporta fejn jinsab. Nhar it-Tnejn irċevew ponta li jista’ jkun fil-każin tal-banda ta’ San Ġiljan u ġie arrestat.

Waqt l-akkuża tat-Tlieta l-Qorti ordnat projbizzjoni tal-pubblikazzjoni tal-isem tal-eks sieħba u ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni oħra li torbot lil Xerri biex ma jersaqx lejha. Huwa nżamm taħt il-kustodja tal-pulizija.

L-Ispetturi Darryl Farr, Antonello Magri u Jonathan Cassar mexxew il-prosekuzzjoni mal-avukat tal-AĠ Clive Aquilina. Għall-akkużat deher l-avukat Victor Bugeja u l-avukat Lennox Vella rrappreżenta lill-vittma bħala parte civile.